Lokali

Carmelo Abela jaħsel idejh mir-riżenja ta’ Manfred Galdes

Il-Ministru Carmelo Abela ħasel idejh mir-riżenja ta’ Manfred Galdes, l-eks Direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit (FIAU), li fl-aħħar xhur kienet qed tinvestiga lill-Ministru Konrad Mizzi u liċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri dwar l-attivitajiet tagħhom b’rabta mal-kumpaniji sigrieti li nqabdu li fetħu fil-Panama biex jitfgħu is-senserija.

NETnews kellu jibgħat żewġ emails lil Carmelo Abela b’mistoqsijiet dwar ir-riżenja ta’ Galdes mill-FIAU qabel irċevejna risposta b’mhux aktar minn erba’ kelmiet. “L-FIAU hi istituzzjoni indipendenti”, weġibna l-Ministru Carmelo Abela meta staqsejna hux infurmat jekk ir-rapport ta’ investigazzjoni għaddhiex għand il-Pulizija jew għand xi awtorità oħra.

Il-Ministru Abela hu responsabbli mill-Korp tal-Pulizija u allura mill-Kummissarju tal-Pulizija. Michael Cassar irriżenja mit-tmexxija tal-Korp f’April li għadda wara li kellu laqgħa ma’ Manfred Galdes, fejn allegatament ġie mgħoddi rapport b’konklużjonijiet dwar l-attivitajiet ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri b’rabta mal-iskandlu tal-Panama.

Min-naħa l-oħra, dakinhar li rriżenja wara tmien snin fil-kariga, Manfred Galdes qal lil NETnews li ma setax jikkummenta dwar ir-raġunijiet li wasslu għar-riżenja tiegħu. Madankollu, fl-aħħar jiem, il-gazzetta Il-Mument ikkwotat sorsi qrib Galdes li qalu li l-eks Direttur kien “imxekkel” fil-ħidma tiegħu.