BLOGS

Esperjenzi pożittivi

Tul ħajjitna, kull wieħed u waħda minnha, ngħaddu min esperjenzi li jħallu l-marka tagħhom fina. Jistgħu jkunu esperjenzi pożittivi bħalma hu t-twelid ta’ tarbija fil-familja, jew promozzjoni fuq il-post tax-xogħol, jew xi vaganza sabiħa li għamilna. Jistgħu jkunu wkoll esperjenzi negattivi bħal meta titlef lil xi ħadd għażiż għalik, ikollok xi inċident serju u esperjenzi simili.
Jistgħu jkunu wkoll avvenimenti li ħadt sehem fihom u ħallew il-marka tagħhom fik. Ftit tas-snin ilu ħadt sehem f’pellegrinaġġ għal Lourdes u dik l-esperjenza għadni nħossha fija sal-lum. F’dawn l-aħħar jiem għaddejt minn żewġ esperjenzi simili.
Illum ħsibt li minflok fuq xi tema politika attwali, naqsam magħkom dawn l-esperjenzi.
Għal dawn l-aħħar sentejn ħdimt fil-qrib ma’ Fr Mark Zammit, saċerdot żagħżugħ li għamel l-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu sena ilu, iżda li sa minn sena qabel beda l-ħidma pastorali tiegħu fil-parroċċa ta’ San Ġużepp Ħaddiem f’Birkirkara. Matul dawn is-sentejn daħal b’ruħu u ġismu għall-ħidma fdata lilu.

L-aħħar quddiesa
Kien responsabbli fost affarijiet oħra għall-formazzjoni tal-abbatini li n-numru tagħhom kotor bil-kbir. Kien responsabbli wkoll biex jiġbor Grupp ta’ Adolexxenti fil-parroċċa li altrimenti ma kellhomx fejn imorru. Għaqqad grupp sabih. Kienu jiltaqgħu regolarment u saħansitra llum għandhom is-sala tagħhom fl-Uffiċċju Parrokkjali. Dan barra xogħol pastorali ieħor fdat f’idejh, fosthom il-qrar u żjajjar fil-familji.
Nhar il-Ġimgħa li għadda Fr Mark għamel l-aħħar quddiesa tiegħu fil-parroċċa tagħna. Mhux għax ingħata xi transfer għal xi parroċċa oħra, iżda għaliex l-Arċisqof għażlu biex imur jistudja t-teoloġija dommatika fi Spanja fejn se jdum madwar erba’ snin.
Il-quddiesa tal-aħħar ta’ Fr Mark kienet esperjenza emozzjonali mill-isbaħ. Uriena kemm qalbu kienet marbuta mal-parroċċa tagħna u kemm il-parruċċani ħabbewh u daħħluħ mhux biss fid-djar tagħhom imma fuq kollox f’qalbhom. Grazzi Fr Mark.
Fil-ġimgħa immedjatament qabel, fil-parroċċa tagħna kellna dik li tissejjaħ ‘Ġimgħa Franġiskana’. Nistqarr li ma kontx smajt biha qabel. U issa sirt naf li din issir darba fis-sena f’xi parroċċa partikulari. Din is-sena saret magħna. Wara ħafna ippjanar u preparamenti.

Attività Franġiskana

Grupp ta’ patrijiet Franġiskani Minuri, sorijiet minn xi tliet ordnijiet Franġiskani u numru ta’ lajċi Franġiskani ġew fil-parroċċa tagħna fejn kienu hemm tul il-ġurnata kollha. Mit-8 a.m. sal-10 p.m. u xi patrijiet raqdu saħansitra fid-dar parrokkjali.
Il-ġurnata kienet tibda bit-talb ta’ sbieħ il-jum, imbagħad quddiesa, żjarat fil-familji, ħinijiet ta’ talb fil-knisja u ħinijiet ta’ talb fi gruppi żgħar miġbura fi djar privati. Dan barra attivitajiet oħra fil-knisja jew fiċ-ċentru parrokkjali, fit-toroq u fid-djar.
Il-parruċċani laqgħu din l-inizjattiva. Saħansitira intrigaw li jsajru kuljum, f’nofsinhar u filgħaxija għal dan il-grupp ta’ Franġiskani li kienu jvarjaw minn ikliet għal seba’ min-nies għal ikliet għal 14-il persuna jew aktar. Kienet ġimgħa ta’ barka għall-parroċċa tagħna li jien ċert li ħalliet ġid kbir kemm spiritwali u anke soċjali.
Jien li ħadt sehem qawwi f’din l-inizjattiva inħoss li tatni opportunità li nitkellem, niddiskuti u fuq kollox nitgħallem minn din l-esperjenza. Nittama li minkejja x-xogħol u l-preparazzjonijiet li inizjattiva bħal din titlob, il-Franġiskani jitħajru jmorru biha fil-parroċċi kollha ta’ pajjiżna, għax żgur li tħalli ħafna ġid.