Il-Ministru Ġappuniż għall-Affarijiet Barranin, Fumio Kishida, wissa li r-relazzjonijiet ta’ pajjiżu maċ-Ċina ‘qed jaqilbu dejjem aktar għall-agħar’, meta l-bastimenti taċ-Ċiniżi qed jinfiltraw, ripetutament, iz-zona polemikuża fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar.
Kishida żvela li bagħat għall-Ambaxxatur Ċiniż, residenti f’Tokjo, biex jipprotesta kontra ‘l-inkursjonijiet’. Dan meta l-Gvern Komunista f’Beijing qed jinsisti dejjem aktar bid-dritt tas-sovranità fuq iz-zona (u l-ibħra) inkwistjoni li jisħaq li ‘huma taċ-Ċiniżi’.
Fi tmiem il-ġimgħa l-oħra, madwar 230 dgħajjes tas-sajd u bastimenti tal-gwardjani tal-kosta Ċiniżi kienu baħħru qrib il-grupp ta’ gżejjer, fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar, li ilhom is-snin joħolqu ‘polemika territorjali’ bejn l-amministrazzjonijiet f’Tokjo u Beijing.
Il-gżejjer inkwistjoni, li huma diżabitati u li huma kkontrollati mill-Ġappun, huma magħrufa bħala ‘ta’ Senkaku’ għall-Ġappuniżi u bħala ‘ta’ Diaoyu’ maċ-Ċiniżi.
Issa, skont l-aħħar rapporti, il-gwardjani tal-kosta Ġappuniżi qalu li tal-anqas 13-il vapur, uħud armati, tal-gwardjani tal-kosta taċ-Ċina, intlemħu, fl-aħħar sigħat, qrib il-gżejjer inkwistjoni. Ingħad ukoll li l-ammont tal-vapuri Ċiniżi kien ‘akbar minn tas-soltu’.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Kishida informa lir-rappreżentant diplomatiku ta’ Beijing, Cheng Yonghua, li s-sitwazzjoni rigward ir-relazzjonijiet bilaterali qed tiffaċċja sensiela ta’ intoppi. Hu, fl-istess ħin, għamilha ċara li ‘il-Ġappun ma jistax jaċċetta li ċ-Ċina qed tippersisti f’azzjonijiet li jqajmu t-tensjoni fuq livell unilaterali’.
Iżda waqt li Kishida ħeġġeġ biex iċ-Ċina tirtira ‘immedjatament’ il-bastimenti minn dik iz-zona ta’ baħar delikata, l-Ambaxxatur Ċiniż, Cheng, irrepeta ‘id-drittijiet taċ-Ċina’ rigward iz-zona u talab biex pajjiżu u l-Ġappun ikomplu fit-triq tad-djalogu.
//= $special ?>