Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Arrestat barra l-Palazz ta’ Buckingham

Il-Pulizija f’Londra kkonfermaw li raġel ta’ 22 sena spiċċa arrestat wara li kien ixxabbat ma’ fence tas-sigurtà fiz-zona tal-Palazz ta’ Buckingham.

Ir-raġel, residenti ta’ Croydon, kien avviċinat mill-pulizija fis-sigħat bikrin tat-Tlieta u wara li ntlemaħ minn uffiċjali tas-sigurtà li kienu qed isegwu l-kameras tas-CCTV fiz-zona. Intant, ir-raġel, minkejja li nqabad f’hekk-imsejjaħ security perimiter, ma rnexxilux jikseb aċċess għall-palazz.

Kelliema għall-Pulizija Metropolitana sostnew li r-raġel kien fi stat xurban meta pprova jidħol fl-artijiet tal-palazz u ma jaħsbux li l-inċident seta’ kellu xi konnessjoni mat-terroriżmu.

Kien ikkonfermat ukoll li r-raġel ma kienx armat u li l-pulizija fl-inħawi ma kellhomx ħtieġa li jirrikorru għat-taser guns biex jikkontrollaw is-sitwazzjoni.

Fil-ħin tal-inċident ma kien hemm l-ebda membru tal-Familja Rjali fir-residenza ta’ Buckingham, bis-sorsi uffiċjali tal-palazz ma jikkummentawx dwar l-iżviluppi.

L-aħħar rapporti qalu li r-raġel inkwistjoni kien qed jinżamm taħt arrest ġo għassa tal-pulizija fiċ-ċentru ta’ Londra.