Ewropa Lokali

Ir-riżenja ta’ Galdes quddiem il-PE; l-iskandlu tal-Panama deskritt bħala każ ta’ ħasil tal-flus

Ir-riżenja ta’ Manfred Galdes mill-FIAU qed tfisser uġiegħ ta’ ras kbira għal Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu. Hekk qed jirrapporta is-sit tal-aħbarijiet Politico, b’rapport dettaljat li jiffoka fuq l-iskandlu tal-Panama u r-riżenja tal-Kap tal-FIAU – l-aġenzija ta’ kontra l-frodi illi kienet qed tinvestiga lil Konrad Mizzi.

Skont din il-website, ir-riżenja ta’ Galdes waslet sal-istituzzjonijiet Ewropej fi Brussell. “Din ir-riżenja issa m’għadiex kwistjoni domestika”, jgħid l-artiklu fil-Politico. U jinsisti illi meta pajjiżna se jkollu l-Presidenza tal-UE f’Jannar żgur se jkun hemm tħassib fuq il-kapaċita’ ta’ Malta li tmexxi ‘l quddiem liġijiet kontra l-frodi u l-ħasil tal-flus.

Kelliem għall-Muscat kwotat fil-Politico qal illi l-Gvern qed jieħu din il-materja bis-serjeta’. Iżda ħafna mhumiex konvinti.

L-MEP Ġermaniż Sven Giegold qal li din is-sitwazzjoni hija imbarazzanti għal Joseph Muscat u l-Gvern tiegħu. U żgur li din il-froġa se tkun diskussa fil-Kumitat ta’ Inkjesta fi ħdan il-Parlament Ewropew. “Malta hemm bżonn titnaddaf u timxi b’serjeta'”, sostna l-MEP Ġermaniż.

L-artiklu fil-Politico jgħid illi jeżistu allegazzjonijiet serji li r-rapport tal-FIAU li investiga lil Konrad Mizzi intefa’ taħt it-tapit. U dan qed jixgħel bozza ħamra fost l-istituzzjonijiet Ewropej.