BLOGS

Le ghad-diskriminazzjoni

Wieħed mill-iprem drittijiet fundamentali hu dak li ħadd ma jsofri diskriminazzjoni. Kelma ftit tqila jew twila għal uħud, iżda li fi ftit kliem tfisser li ħadd ma jirċievi trattament differenti minn ħaddieħor li kien fl-istess sitwazzjoni, iktar u iktar meta n-naħa l-oħra jkun hemm il-Gvern, jew l-awtoritajiet pubbliċi li jkunu qed jagħtu dak it-trattament differenti.
Fi kliem iehor, il-ġustizzja ma tridx li jkun hemm preferenzi. Il-liġi trid tkun applikata bl-istess mod ma’ kulħadd.
L-ewwel liġi li Gvern tal-PN kien ressaq fl-1987 eżatt wara l-elezzjoni kienet dik li tat id-dritt lil kull Malti u Maltija li jfittxu lill-Gvern Malti fil-Qrati Maltin għax ikun kisrilhom xi wieħed minn dawk id-drittijiet fundamentali li jinsabu fil-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Il-Gvern Laburista ta’ qabel l-1987 ma kellux dak il-kuraġġ. Ried iħalli lill-Maltin fid-diffikultà li biex jieħdu d-drittijiet tagħhom ikollhom imorru direttament fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u ma jħallihomx jiftħu kawżi fil-Qrati Maltin, fejn allura l-ispejjez ikunu inqas u inqas skariġġ, kontra l-Gvern Malti.

Jingħata d-dritt lil Maltin
L-avukati jirreferu għal din is-sitwazzjoni bħala waħda fejn id-drittijiet fundamentali tal-bniedem ma kinux infurzabbli direttament fil-Qrati Maltin. Kellu jkun il-Gvern ta’ Fenech Adami li fl-ewwel liġi li għadda f’Awwissu 1987 ta lill-Maltin tali dritt.
Erġajna koppi fl-2016. S’issa għall-inqas hekk jidher. Malta iffirmat u rratifikat il-Protokoll numru 12 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fl-2015. Sa hemmhekk tajjeb. Imma inutli tagħti dritt lill-Maltin, iżda thallih fuq il-karta. Ma jkunx jiswa tebaq fwiedu. Dan il-Protokoll idaħħal id-dritt fundamentali kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni, speċjalment mill-Gvernijiet Ewropej.
Din hi projbizzjoni ġenerali kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni. Hu tarka importanti u b’sahhitha ferm liċ-ċittadini Ewropej kontra d-diskriminazzjoni. Hi għodda ta’ difiża taż-żgħir kontra s-setgħani.
Matul l-aħħar xahrejn fil-Parlament jien ressaqt diversi domandi Parlamentari nistaqsi x’qed jistenna l-Gvern biex jemenda l-liġi Maltija, kif dejjem sar mill-1987, biex il-protezzjoni li l-Protokoll numru 12 jagħti tkun parti mil-liġi tagħna wkoll. Risposti konkreti ma ħadtx.

Part mil-liġi Maltija
Għax għalxejn u inutli li Malta tiffirma trattati u Protokolli li jagħti fuq il-karta drittijiet fundamentali lill-Maltin li jibqgħu mhux imsarrfa. Biex jissarrfu jridu jkunu parti mill-liġi Maltija. Biex ikunu parti mil-liġi Maltija irid ikun emendat il-European Convention Act (Kaptilu 319 tal-Ligijiet ta’ Malta). U dan ikun emendat meta l-Maesta Imperjali Tiegħu l-Gvern taparsi liberali li għandna jiddeċiedi biex jemendaha. S’issa raqad.
Issa l-Ħadd li għadda d-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi, il-Prof Kevin Aquilina, kiteb artiklu mirqum jispjega kemm din hi sitwazzjoni mhux aċċettabbli u kundanabbli. Uża kliem iebes ħafna biex iċanfar lill-Gvern Malti talli qed ikaxkar saqajh u jċaħħad lill-Maltin minn din il-protezzjoni li l-Gvern stess iffirma fuq il-karta, imma iżda li baqgħet fuq il-karta. Staqsa jekk dan huwiex vot ta’ sfiduċja fil-Ġudikatura Maltija jew hux każ tal-Gvern li hu beżgħan mill-kawżi li ċ-ċittadini Maltin se jiftħu kontrih appena jingħatalhom tali dritt.
Jekk dan il-Gvern għandu għal qalbu tassew id-drittijiet ċivili għandu jemenda l-liġi Maltija llum qabel għada biex il-Maltin kollha jkunu jistgħu jfittxu lill-Gvern meta jħossuhom iddiskriminati. Wisq nibża’ li dan il-Gvern għandu saqajh tat-tafal u meta jiġi għas-si u n-no, jippreferi jilgħab noli elettorali mad-drittijiet fundamentali. Fix-xhur li ġejjin inkunu nafu aħjar.