Internazzjonali

Lejn titjib fir-relazzjonijiet tat-Turkija mar-Russja

Il-President tat-Turkija Recep Tayyip Erdogan żar ir-Russja bħala parti minn impenn biex jirranġa r-relazzjonijiet diffiċli bejn pajjiżu u Moska. Intant, Erdogan iltaqa’ mal-President tar-Russja Vladimir Putin, fil-limiti ta’ San Pietruburgu u fejn Putin sostna li r-Russja lesta biex tirristawra l-kooperazzjoni ekonomika u rabtiet oħrajn mal-Gvern Tork.

Iż-żjara ta’ Erdogan fir-Russja kienet l-ewwel mawra tal-Mexxej Tork barra pajjiżu mindu falla l-kolp ta’ stat fit-Turkija ftit anqas minn xahar ilu. Iż-żjara għandha wkoll sinifikat partikulari wara li r-relazzjonijiet bejn Ankara u Moska daħlu fi kriżi f’Novembru, meta l-qawwiet Torok kienu waqqgħu ajruplan militari Russu fiz-zona tal-fruntiera mas-Sirja.

It-twaqqigħ tal-ajruplan kien qajjem tensjoni kbira bejn it-Turkija u r-Russja, bit-Tmexxija f’Moska, xhur ilu, timponi s-sanzjonijiet kummerċjali fir-rigward tat-Torok. Sadanittant, il-President Erdogan, waqt il-laqgħa f’San Pietruburgu, irringrazzja lil Vladimir Putin talli għamillu telefonata biex jesprimi l-appoġġ tiegħu, dritt wara li kien seħħ il-kolp ta’ stat tax-xahar li għadda fit-Turkija.

Iż-żjara ta’ Erdogan fir-Russja għaddejja wkoll fi żmien meta birdu r-relazzjonijiet ta’ Ankara mal-Punent li kkritika l-mod iebes kif l-awtoritajiet Torok qed jaġixxu fil-konfront tal-allegati protagonisti tal-kolp ta’ stat fit-Turkija.

Qabel telaq mit-Turkija, Erdogan irrefera għall-President Putin bħala ‘ħabib’ u qal li ried jiftaħ paġna ġdida fir-relazzjonijiet mar-Russja.

Sadanittant, Vladimir Putin qal li t-taħditiet mat-Turkija qed ikopru ‘kull aspett tar-relazzjonijiet, fosthom ir-restawr ta’ rabtiet ekonomiċi u miżuri kontra t-terroriżmu’.