Ninsabu fl-eqqel tas-sajf, żmien li fih suppost innaqqsu xi ftit mir-ritmu tax-xogħol tas-soltu u nippruvaw nieħdu xi vaganza, xi ftit tal-mistrieħ mir-rutina tas-soltu.
Hawn min jippreferi li jmur f’xi bajja partikulari fejn jieħu l-familja tirrilassa u tiffriska xi ftit f’dawn il-ġranet normalment sħan tas-sena. F’pajjiżna numru konsiderevoli ta’ Maltin jiddeċiedu li jgħaddu l-vaganza tagħhom f’Għawdex, fejn bosta minnhom għandhom anke residenza tas-sajf. Hawn Għawdxin li jagħmlu bil-kontra u jgħaddu xi ġranet f’Malta.
Però l-użanza l-aktar popolari tibqa’ li dak li jkun jieħu vaganza f’xi pajjiż barra minn Malta, l-aktar fl-Ewropa. Illum il-ġurnata f’Malta jeżistu diversi aġenziji li jorganizzaw varjazzjoni ta’ ġiti, l-aktar popolari jibqgħu dawk ta’ seba’ jew tmint ijiem. Hemm ukoll ġiti/pellegrinaġġi lejn Santwarji Marjani u postijiet reliġjużi oħra madwar l-Ewropa, bħalma huma Lourdes, Fatima, Medjugorje, il-Polonja (Krakovja) u oħrajn. Dawn huma wkoll popolari ħafna mal-Maltin, l-aktar ma’ nies ta’ ċerta età u li għandhom fihom grad qawwi ta’ reliġjożità.
Il-ġimgħa l-oħra jien kont fi Slovenja bi grupp imdaqqas f’ġita organizzata mill-Euro Tours. Tour mill-isbaħ fost kampanja meraviljuża, b’xenarji uniċi li tista’ tarahom biss fejn hemm il-muntanji. Xmajjar u għadajjar kbar mimlijin ħajja kemm ġewwa fihom kif ukoll madwarhom.
Aħna konna alloġġjati fi KRIM Hotel f’Lake Bled. Fil-fatt il-lukanda kienet biss ħames minuti bogħod mil-Lake. Fiha, apparti mill-kmamar komdi u nodfa, kellna servizz ta’ ikel buffé kemm waqt il-kolazzjon kif ukoll waqt l-ikla ta’ filgħaxija, b’varjetà kbira ta’ ikel, kif ukoll fi kwantità. Jekk ma toqgħodx attent tispiċċa b’overweight tal-‘beati pawli’.
Kellna Coach magħna li kuljum toħroġna u teħodna f’eskursjonijiet bellezza li jvarjaw bejn viżti fi bliet tipiċi Sloveni mibnija fil-muntanji, wasla permezz ta’ Cable cars fuq muntanji għoljin mawdar 2,500 metru u aktar, u anke mixjiet qalb widien mimlija afforestazzjoni u ilma għaddej minn magħna, bħalma kienet il-mixja magħrufa bħala ‘Vintgar Gorge’, mixja ta’ madwar siegħa li tispiċċa b’kaskada tal-ilma mill-isbaħ.
Dan huwa post fejn ma tixbax tieħu r-ritratti l-aktar fuq il-pontijiet li jaqsmu min-naħa għall-oħra ta’ dan il-wied meraviljuż bi kwantità ta’ ilma għaddej minn taħtek.
Fi Bled aħna morna kemm fil-Kastell, li hu wieħed mill-isbaħ li hemm fi Slovenja. F’dan il-Kastell hemm il-Kappella li fiha jsiru tiġijiet anke llum. Hemm ukoll mużew, kantina tal-inbid, ħaddied, kif ukoll stamperija primittiva ħafna li għadha taħdem manwalment sal-lum. Fil-fatt diversi membri tal-grupp ħadu l-okkażjoni u stampaw xi messaġġ ta’ xewqat sbieħ jew imħabba għal xi ħadd tal-familja tagħhom.
Qsamna l-għadira permezz ta’ żewġ pletna boats (id-dgħajjes tal-post li jġorru t-turisti), u morna fuq il-Gżira li hemm f’nofs il-lake. Hemm aħna tlajna sal-quċċata u żorna l-Knisja tal-Assunta li tinsab tiddomina l-post. Biex tasal għaliha, trid jew tieħu l-passaġġ li jdur magħha jew inkella titla’ 99 tarġa li hemm minn max-xtajta sa fuq. Hawn isiru anke tiġijiet li jkunu romantiċi ħafna u hemm id-drawwa li l-għarus irid jerfa’ lill-għarusa u jtellagħha t-taraġ kollu. Wirja ta’ mħabba mill-aqwa jekk ikun jiflaħ għaliha.
Fil-fatt, hekk kif tlajna sibna l-imwejjed armati quddiem il-knisja lesti bix-xampanja għal x’ħin joħorġu l-għarajjes mill-quddiesa tat-tieġ. Hemm id-drawwa wkoll li t-turisti li jitilgħu u jidħlu fil-knisja jistgħu jdoqqu l-qanpiena li hemm fil-kampnar tal-faċċata biex juru li waslu.
Żjara fil-belt Kapitali ta’ Ljubljana hi xi ħaġa li ma tistax tħalliha barra. Hemm wisq storja u kultura x’wieħed jomgħod. F’din il-belt insibu parti barokka tal-belt qadima, b’toroq dojoq għall-kenn tal-kastell u x-xmara Ljubjanica. Forsi l-ġawhra l-aktar importanti ta’ din il-belt hi l-Katidral iddedikat li San Nikola. Knisja li nbniet diversi drabi wara terremoti li laqtu lil din il-belt fil-passat kif ukoll il-gwerer tal-aħħar seklu. Id-dekorazzjonijiet interni tal-knisja huma magħmula kollha minn artisti ta’ fama Taljani. Hawn il-Papa Qaddis Ġwanni Pawlu II, għamel żewġ żjarat fis-snin disgħin.
Il-Katidral għandu żewġ entraturi, dak tal-ġenb li għandu bieb magħmul fil-bronż u jġib l-aħħar sitt Arċisqfijiet li kellha dik id-djoċesi ta’ qabel dan preżenti. Waqt li fil-bieb prinċipali tal-faċċata fil-parti ta’ fuq insibu bassoroljiev tal-Papa Ġwanni Pawlu II qed jittawwal minn tieqa.
Fiċ-ċentru nsibu wkoll is-City Hall li bħall-palazzi kollha li hemm f’dik it-triq prinċipali, għandha bitħa interna spazjuża u f’nofsha spiera fejn jinġemgħa l-ilma kollu tax-xita li jinżel fuq din il-binja. Id-differenza li biha tingħaraf din is-City Hall minn palazzi oħrajn hi proprju il-portiku li joħroġ ’il barra mill-faċċata tal-bini l-ieħor. Fiċ-ċentru nsibu wkoll il-knisja tal-Franġiskani miżbugħa fl-aħmar, u quddiemha hemm il-famużi tliet pontijiet elaborati li jaqsmu x-xmara u li llum huma t-tlieta fl-area pedonali waqt li fil-bidu l-ewwel wieħed, dak tan-nofs, kien tal-injam u kien sar proprju għat-traffiku li minn fuqu kien jgħaddi wkoll it-tram.
Hawn rajna wkoll il-bini tal-Università li l-binja prinċipali tiegħu tinsab maġenb it-teatru tal-orkestra sinfonika ta’ Ljubljana. Quddiem it-teatru mbagħad hemm il-knisja tal-Ursolini u l-kunvent li llum sar skola.
Ma naqasx ukoll li nagħmlu cruise fuq ix-xmara Ljubljanica li damet madwar siegħa. Dawra sabiħa li fiha rajna anke diversi annimali u anke tipi differenti ta’ ħut li jgħix fiha u mal-ġnub tagħha. Cruise oħra sabiħa kienet dik li għamilna fuq ix-xmara Krka, fil-post jismu Novo Mesto. Hawn kellna mużika u kant folkloristiku Sloven kif ukoll diversi animazzjonijiet li fihom ħadu sehem membri tal-grupp.
Hawn doqna wkoll l-inbid tal-post bl-isem ta’ Cvicek. F’Novo Mesta għamilna żjara lill-knisja ċkejkna u ħelwa ta’ San Ġorġ u wara kellna waqfa f’razzett li għandu aktar minn mitt sena li hu famuż għall-inbid. Kellna wine tasting session, u wara doqna wkoll salami u ħobż magħmul fl-istess razzett mill-istess familja.
Żjara oħra kienet fil-Kastell ta’ Predjama, kastell uniku mibni fil-blat u jmur lura għal żmien il-Medju Evu. Il-karatteristika ta’ dan il-Kastell mhix l-għamara jew il-lussu, imma s-sigurtà u s-salvezza kontra l-għadu. Dan għandu leġġenda sabiħa marbuta miegħu kif għandhom bosta Kastelli oħra.
Imbagħad wara għamilna dawra sabiħa wkoll fl-għerien ta’ Postonja li huma fost l-akbar fid-dinja b’tul ta’ 22 kilometru bi strutturi mill-isbaħ ta’ stalagmiti u stalagtiti. Tibda billi tidħol bi tren tal-elettriku u wara għamilna mixja ta’ kilometru u nofs f’temperatura ta’ bejn 8 jew 10 gradi.
Żewġ eskursjonijiet oħra ħaduna waħda fl-Awstrija Klagenfurt u Villach, waqt li morna wkoll fl-Italja fejn żorna r-raħal medjevali ta’ Venzone fir-reġjun ta’ Friuli. Hawn għamilna waqfa fil-ħanut palazz li hu sinonimu mal-lavanda. Dan il-villaġġ kien spiċċa kważi distrutt kompletament fis-sebgħinijiet wara terremot, u bil-mod il-mod reġa’ nbena. Attrazzjoni oħra, l-aktar għal min hu iżgħar fl-età kienu li jinżlu l-muntanji bilqiegħda fuq sledge li timxi fuq rail wieħed. Xi ħaġa avventuruża però mhix perikoluża.
Din hi fil-qosor ħafna l-vaganza li għaddejna flimkien fis-Slovenja jiena u l-grupp ta’ tletin oħra miegħi. Naħseb li llum il-Maltin skoprew is-Slovenja mhux ħażin. Min iħobb l-istorja, il-kultura u n-natura din hi l-ġita li għandu jagħżel u li żgur li jissodisfa ruħu kemm b’ dak li jara u anke b’dak li jiġi spjegat lilu.
Jekk trid isserraħ il-menti, tkabbar l-għarfien tiegħek u tpaxxi l-istonku, Slovenja hu l-post fejn għandek tmur. Is-Slovenja, hi parti mill-eks-Jugoslavja li ħadet l-Indipendenza tagħha fl-1991 u ssieħbet fl-Unjoni Ewropea fis-sena 2004.