Lokali

Edward Scicluna jistenna li l-investigazzjoni dwar il-Panama tasal għandu

Il-Ministru Edward Scicluna għad m’għandux informazzjoni li l-FIAU (Financial Intelligence Analysis Unit) lestiet l-investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama, iżda qed jistenna li l-investigazzjoni tasal għandu.

Il-Ministru tal-Finanzi għadda dawn il-kummenti meta kien mistoqsi minn NETnews.com.mt fi tmiem konferenza tal-aħbarijiet li matulha nieda d-dokument tal-pre-budget.

“Jien naħseb li meta jkun hemm xi ħaġa li għandha interess partikolari għall-pubbliku, jgħadduha lili u jien ngħaddieha” qalilna l-Ministru, f’indikazzjoni ċara li qed jistenna li l-investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama tasal għandu.

Filwaqt li ċċara li ma kienx qed jitkellem dwar individwi, iżda dwar investigazzjoni ġenerali, il-Ministru qal li ma jistax jikkonferma jekk l-investigazzjoni tlestietx.

“La sal-lum m’għandna l-ebda informazzjoni, noħodha li għaddhom għaddejjin” qal Edward Scicluna fil-kummenti tiegħu.

Fil-jiem li għaddew, Manfred Galdes irriżenja minn Direttur tal-FIAU. Skont rapporti fil-media, Manfred Galdes kien għadda lill-eks-Kummissarju Michael Cassar rapport ta’ investigazzjoni dwar l-iskandlu tal-Panama.