Lokali

Il-Kappillani ta’ Tas-Sliema u l-Balluta jesprimu t-tħassib tagħhom

ll-preokupazzjonijiet tar-residenti qed jaqgħu fuq widnejn torox. Hekk saħqu il-Kappillani tal-erba’ parroċċi ta’ Tas-Sliema u l-Kappillan tal-Parroċċa tal-Balluta, dwar il-mod kif il-lokalità ta’ Tas-Sliema qed tiġi degradata minħabba l-ammont ta’ proġetti ta’ kostruzzjoni li qed isiru.

Il-Kappillani saħqu li bil-kitba saru ħafna ilmenti dwar il-proposti ta’ bini ta’ dawk hekk imsejħa torrijiet f’Tas-Sliema u l-madwar. Imma dan kien kollu ta’ xejn għax il-permessi baqgħu ħerġin xorta waħda. Skont il-Kappillani din il-ferneżija qed twassal għal piżijiet kbar fuq l-infrastruttura, stress psikoloġiku, ħsarat xi drabi permanenti, bankini perikolużi, inkonvenjent ta’ storbju u trabijiet, nuqqas ta’ aċċessibiltà, żieda fil-binjiet li mhux użati u wkoll nuqqas ta ‘spazji miftuħa.

Il-Kappillani saħqu li wieħed jiddubita kemm dawn il-preokupazzjonijiet qed ikunu kkunsidrati mill-esperti tal-ippjanar li joħorġu l-permessi.

Fl-istqarrija il-Kappillani appellaw għall-bżonn li nirriflettu u nevalwaw il-prioritajiet fid-dawl tal-ħarsien tal-ġid komuni fil-waqt li appellaw ukoll għal ġustizzja soċjali li tipproteġi liż-żgħir, li sfortunatament leħnu ma jwasslux sal-kurriduri fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet daqs dik il-minoranza li taħtaf taħt difrejha s-setgħa ekonomika u finanzjarja.