Il-Ministru “tal-Ugwaljanza” Helena Dalli mhux talli qed tiddefendi d-diskriminazzjoni fost il-Ħaddiema taċ-Ċivil, iżda talli, fid-difiża tagħha għad-diskriminazzjoni, qed tipprova tinsulta l-intelliġenza tan-nies.
Hekk qal il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija wara t-tweġiba tal-Ministru Dalli lbieraħ filgħaxija għall-ittra tas-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN). Ingħad li t-tweġiba tal-Ministru hi waħda insolenti u li turi l-livell ta’ arroganza li laħaq lil dan il-Gvern.
Il-Ġimgħa li għadda, ftit minuti biss wara li l-eks Assistent Direttur ta’ San Vinċenz de Paul tkellem b’mod ċar dwar nuqqas ta’ ugwaljanza, diskriminazzjoni u inġustizzji fir-Residenza, iċ-Chief of Staff tal-Ministru tad-Diskriminazzjoni Ronnie Pellegrini qal li japprova dik id-diskriminazzjoni u li “hekk għandu jkun”.
Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Ministru Dalli qed tipprova tgħaddi biż-żmien lil ħaddiema kapaċi u intelliġenti, meta bl-akbar immaġinazzjoni, tipprova tinterpreta diskors li jinstiga d-diskriminazzjoni f’diskors ta’ ġustizzja. Dan hu eżempju klassiku tad-double speak tal-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Filwaqt li feraħ u wiegħed l-appoġġ kollu lil dawk il-ħaddiema li tkellmu kontra d-diskriminazzjoni fil-post tax-xogħol, illum għandna konferma li l-uniku partit politiku li hu t-tarka tal-ħaddiema f’pajjiżna hu l-Partit Nazzjonalista, temmet tgħid l-istqarrija.
//= $special ?>