Lokali

Il-Pulizija għadha qed tinvestiga lid-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud

L-akkużi kontra l-eks impjegatur ta’ Muscat huma ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus

Il-Pulizija kkonfermat ma’ The Malta Independent li l-investigazzjoni dwar id-Deputat Gvernatur tal-Bank Ċentrali Alfred Mifsud għadha għaddejja, iżda ma qalitx f’liema stadju din l-investigazzjoni waslet.

L-investigazzjoni bdiet wara li l-eks partner ta’ Alfred Mifsud għamlet allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus dwar l-istess Mifsud, ftit qabel kien se jinħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali. L-allegazzjonijiet wasslu biex il-Gvern reġġa’ lura mid-deċiżjoni tiegħu dwar Mifsud, u flok inħatar Gvernatur tal-Bank Ċentrali, nżamm bħala Deputat Gvernatur.

L-eks partner ta’ Alfred Mifsud kienet spjegat li bejn l-1996 u l-1998, negozjant Malti kien mar mill-anqas tliet darbiet id-dar tagħhom – żjarat li matulhom kien jagħti 50,000 liri Maltin fi flus kontanti lil Mifsud. Dak iż-żmien, Alfred Mifsud kien Chairman tal-Mid Med Bank – waqt li n-negozjant kien ir-rappreżentant Malti tal-kumpanija Amerikana Eastpoint – li ntgħażlet mill-Bank li tiegħu Mifsud kien Chairman biex tbiddel is-sistema tas-software tal-istess Bank.

Filwaqt li qed jiċħad l-akkużi kontrieh, Alfred Mifsud ikkonferma li kien jiltaqa’ ma’ dan in-negozjant.