Fi stqarrija, l-Committee Against Bird Slaughter (CABS), qalet li f’dawn l-aħħar jiem saret operazzjoni kontra l-insib illegali fuq t-tajr protett bħal Gallina tal-Baħar, Pispiselli u tajr ieħor f’Malta u Għawdex. Total ta’ 6 nasses instabu fiż-Żejtun, l-Imġarr, l-Imqabba u x-Xewkija Għawdex.
L-organizazzjoni CABS stqarret li n-nasses kollha nstabu mammra bi xbieki, għasafar finta u sejjieħa tal-għasafar elettroniċi biex jattiraw dawn l-ispeċi ta’ għasafar protetti.
Wara li l-Pulizija ġew avvertiti b’dawn in-nasses illegali, huma għamlu diversi tfittxijiet u neħħew in-nasses kollha flimkien ma’ xi għasafar ħajjin li kien maqbdin – żewġ għasafar tal-ispeċi Swejda Ċara u Swejda waħda. Il-CABS qalet li dawn l-għasafar huma protetti fl-għola livell taħ id-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-għasafar – għaldaqstant skont il-liġi Maltija jekk dawn in-nassaba jinqabdu għandhom jingħataw multa u tittieħdilhom l-liċenzja għall-insib.
L-NGO ambjentali stqarret li hi diffiċli li tkopri l-kampanja kollha f’Malta, u dawn is-siti li nstabu huma biss frazzjoni żgħira mir-realta’ ta’ nasses li hawn madwar Malta u Għawdex. Minkejja dan, f’dawn l-aħħar 10 snin li qed isiru dawn l-operazzjonijiet kontra l-insib, l-insib illegali naqas fix-xhur tas-Sajf.