Lokali

Kastilja tagħti b’€735,000 kuntratti lill-kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti ta’ Schembri u Mizzi fil-Panama

Ir-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-kumpanija Nexia BT tkompli toħroġ fil-beraħ bl-iżvelar tal-kuntratti li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta lil din il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u tal-Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi fil-Panama, biex fihom jitfgħu s-senseriji.

The Times of Malta, fil-faċċata ta’ quddiem, tiżvela li b’kollox u sa issa, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta b’valur ta’ €735,000 kuntratti lill-kumpanija Nexia BT. Fil-bidu, t-talba mill-ġurnal għal din l-informazzjoni saret lill-Gvern, iżda l-Gvern baqa’ jżomm din l-informazzjoni b’mod sigriet. Kien għalhekk li l-ġurnal kellu jirrikorri għall-Freedom of Information Act biex jingħata aċċess għal din l-informazzjoni.

Jirriżulta li minn Marzu 2013 sa Mejju li għadda, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru ta lil Nexia BT 12-il kuntratt b’valur ta’ €165,000. Minn naħa l-oħra, l-Ministeru ta’ Konrad Mizzi – li llum jagħmel parti mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru – ta lil Nexia BT 24 kuntratt b’valur ta’ €570,000 – total ta’ €735,000 – tliet kwarti ta’ miljun ewro.

Il-kumpanija li fetħet il-kumpaniji sigrieti lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi ngħatat żewġ kuntratti oħra li iżda l-informazzjoni dwarhom qed tibqa’ tinżamm sigrieta. L-Enemalta – taħt il-kappa tal-Ministru Konrad Mizzi – tat ukoll lil Nexia BT xogħol ta’ analiżi finanzjarja u appoġġ għal applikazzjoni ta’ permess fl-2013 u fl-2014 – iżda l-informazzjoni dwar dan ukoll qed tinżamm sigrieta.

Nexia BT huma l-awdituri tal-ishma Maltin fil-konsorzju Electrogas – li ntgħażel mill-Gvern biex jibni l-Power Station il-ġdida tal-gass, li se twassal biex jitpoġġa tanker tal-gass kbir daqs 3 grounds tal-futbol fil-bajja ta’ Marsaxlokk.
Il-kumpanija Nexia BT bdiet tiftaħ il-kumpaniji sigrieti għall-Keith Schembri u Konrad Mizzi ħamest ijiem wara li l-Partit Laburista rebaħ l-elezzjoni ġenerali.

Ritratt: Brian Tonna (Nexia BT), Joseph Muscat, Karl Cini (Nexia BT)