Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru f’Kastilja Konrad Mizzi – li nqbadu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama biex fihom jitfgħu s-senserija – ma jridux jgħidu jekk hux se jaċċettaw li jidhru quddiem Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers.
The Malta Independent – fil-faċċata ta’ quddiem – spjegat li għall-mistoqsija diretta li għamlitilhom – it-tnejn li huma wieġbu li sa issa għadhom ma rċevew ebda korrispondenza dwar dan, u li meta u jekk jirċievu l-korrispondenza, jwieġbu dakinhar.
Il-mistoqsijiet saru fid-dawl ta’ dak żvelat mill-ġurnal ta’ Brussell Politico li żvela li l-każ ta’ ħasil ta’ flus li baqa’ jiddomina l-aħbarijiet f’Malta għal dawn l-aħħar sitt xhur jinsab fuq l-aġenda ta’ Brussell – hekk kif Malta mistennija tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea minn Jannar li ġej.
L-MEP Ġermaniż Sven Giegold qal li dan hu każ tal-mistħija, u li se jqajjmu dan l-iskandlu fil-Kumitat tal-Parlament Ewropew dwar il-Panama Papers. Malta għandha tkun serja, u għandha tnaddaf kollox biex l-infrastruttura finanzjarja Ewropea terġa’ tibda tkun kredibbli, qal l-MEP Ġermaniż.
Fil-fatt kien il-ġurnal Politico li kkonferma li dan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew se jressaq quddiemu lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi wara l-vaganzi tas-sajf.
Fi Brussell bħalissa d-diskussjoni hi wkoll dwar ir-riżenja ta’ Manfred Galdes minn Direttur tal-FIAU – l-aġenzija li tinvestiga l-korruzzjoni u l-ħasil ta’ flus u li investigat lilll-istess Schembri u Mizzi.
//= $special ?>