Lokali

L-ALPA trid laqgħa mal-Air Malta kmieni; Zammit Lewis jappella għall-buon sens

Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis appela lill-piloti biex “ikunu proporzjonati fl-imġieba tagħhom u ma jħallux il-pika u n-nuqqas ta’ għaqal iwasslu għal sitwazzjoni li tipperikola l-għixien tal-ħaddiema tal-Air Malta”.

Zammit Lewis għamel dan l-appell wara li l-union tal-piloti l-ALPA qalet li mhux aċċettabbli li ssir laqgħa mal-Air Malta fil-31 ta’ Awissu, u dan peress li l-31 ta’ Awissu hu tard wisq.

Il-Gvern għadu qed jistenna ‘business plan’ mingħand l-Alitalia. Wara li l-Gvern jirċievi l-business plan, ikunu jistgħu jibdew in-negozjati li possibilment iwasslu biex parti mill-Air Malta tinbiegħ lill-Alitalia, li bħalissa qed tirreġistra telf ma’ kull jum li jgħaddi.

Fid-dawl ta’ dan, u skont korrispondenza bejn l-Air Malta u l-ALPA, il-linja nazzjonali tal-ajru stiednet lill-ALPA għal laqgħa bejn iż-żewġ naħat fil-31 ta’ Awissu, bl-ALPA twieġeb lura u tgħid li d-data hija ‘l bogħod wisq.

B’reazzjoni għar-risposta tal-ALPA, il-Ministru Zammit Lewis qal li bħalissa għaddejjin taħdidiet sensittivi dwar il-futur tal-Air Malta u għaldaqstant, ir-reazzjoni tal-piloti li ma jridux jistennew sal-31 ta’ Awissu “hija sproporzjonata u bbażata fuq il-pika u mhux fuq is-sens komun”.

L-attakk kompla, bil-Ministru Zammit Lewis jgħid li “l-ALPA għandha tifhem li għalxejn jattentaw jagħmlu aktar pressjoni, li minflok tikkollabora, qed tinħela fuq battibekki inutli li ma jwasslu mkien”, bil-Ministru jgħid li l-ALPA għandha taċċetta il-31 ta’ Awissu bħala d-data għal-laqgħa li jmiss bejn iż-żewġ partijiet.