Lokali

L-APAN ukoll issejjaħ għal inkjesta dwar in-negliġenza fit-trattament tal-anzjani f’SVPR

Fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet tal-eks Assistent Direttur ta’ San Vinċenz de Paul Dennis Tanti, li spjega kif fir-Residenza teżisti negliġenza fit-trattament tal-anzjani, l-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) sejħet għal inkjesta indipendenti biex jiġi determinat x’qed iwassal għal din in-negliġenza.

It-talba qed issir wara li anke l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija li ħareġ il-Ġimgħa stess permezz tax-Shadow Minister Paula Mifsud Bonnici u d-Deputat Robert Cutajar, sejjaħ għal investigazzjoni serja u dettaljata. Madankollu, s’issa għad ma kien hemm l-ebda tweġiba għal din it-talba.

Fi stqarrija, l-APAN qalet li tinsab inkwetata bid-dikjarazzjonijiet ta’ Dennis Tanti, b’mod partikolari għall-fatt li dan qal li kien għadda d-dokumenti li juru n-negliġenza u d-diskriminazzjoni fost il-ħaddiema u l-anzjani lill-awtoritajiet, iżda li ma sar xejn dwarhom. L-APAN qalet li dawn id-dikjarazzjonijiet huma wisq xokkanti u jeħtieġu risposti dettaljati.

L-APAN esprimiet it-tħassib tagħha għall-fatt li dan l-aħħar skandlu jikkonferma l-etika mnawwra tal-Gvern ta’ Muscat, fost l-oħrajn b’nuqqas ta’ rispett lejn l-anzjani fir-Residenzi tal-Istat, kif ukoll diskriminazzjoni kattiva kontra ħaddiema minħabba l-opinjoni politika tagħhom. Dan hu aġir irresponsabbli u kundannabli.

L-APAN qalet li l-inkjesta hi l-anqas ħaġa li tista’ ssir biex ir-Residenza San Vinċenz de Paul terġa’ tikseb is-serjetà u s-serenità li kienet magħrufa għaliha, fejn il-kura u l-imħabba għall-anzjani kienu prijorità, kif ukoll fejn l-infermiera u l-ħaddiema l-oħra kienu kuntenti jagħtu l-aqwa servizz mingħajr xkiel u diskriminazzjoni.