Ambjent Lokali

Qabel approvat it-torri f’Tas-Sliema, l-Awtorità tal-Ippjanar ma semgħetx il-kummenti tal-Awtorità tal-Ambjent

F’isem ir-residenti ta’ Tas-Sliema, l-Partit Nazzjonalista vvota kontra dan it-torri

Fis-seduta tal-Awtorità tal-Ippjanar ta’ nhar il-Ħamis li għadda – li matulha ġie deċiż li jinħareġ il-permess biex jinbena torri ta’ 38 sular f’nofs tas-Sliema – l-istess Awtorità ma semgħetx il-kummenti tal-Awtorità tal-Ambjent. Dakinhar, iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent Victor Axiak ma attendiex is-seduta għaliex qal li kien ma jiflaħx, iżda bagħat ittra lill-Awtorità tal-Ippjanar li fiha spjega l-opinjoni tiegħu dwar il-bini ta’ din it-torri.

Mistoqsi mill-Maltatoday biex jagħti kopja ta’ din l-ittra li nżammet sigrieta, Victor Axiak għażel li ma jitkellimx dwar il-kontenut ta’ din l-ittra.

Il-vot għadda b’7 voti favur u 6 kontra – b’żewġ voti minn dawk kontra jkunu tad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus kif ukoll tal-Kunsillier Nazzjonalista f’Tas-Sliema Paul Radmilli – f’dak li hu sinjal ċar li l-Partit Nazzjonalista ddefenda lir-residenti ta’ Tas-Sliema bil-voti tiegħu.

Il-Kunsill Lokali Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema se jkun qed jappella wkoll minn din id-deċiżjoni u bħalissa qed jieħu l-aqwa pariri legali dwark kif għandu jagħmel dan.

Sadanittant, The Times of Malta rrappurtat ukoll li d-deċiżjoni li ħadet l-Awtorità tal-Ambjent li ma tappellax minn din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni mal-bord tal-istess Awtorità.

Fl-ewwel kummenti tiegħu wara din id-deċiżjoni, l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qal li d-deċiżjoni li jinħareġ permess għal dan it-torri f’Tas-Sliema hija l-ewwel riżultat tad-deċiżjoni tal-Gvern ta’ Joseph Muscat li jaqsam il-MEPA, fejn neħħa kompletament l-ambjent minn mal-ippjanar.