BLOGS

Vox Populi

Il-bidliet jagħtu dehra differenti imma mhux dejjem jiddefinixxu bidla fil-qalba nett, għax fejn hemm l-għeruq hemm nixxiegħa ta’ wirt ġenetiku li mhux lakemm jinqata’ hekk ħesrem.
Fl-istorja twila tal-Partit Nazzjonalista li tulha ssielet għal demokrazija vera, issib il-qofol tagħha – fl-opinjoni tiegħi – propju fuq il-Fosos tal-Furjana meta l-poplu Malti xegħel bit-tama ta’ dawl id-demokrazija li kienet donnha dbielet biex qatt aktar ma tixxettel.
Qed inġib quddiem għajnejja dik il-lejla tal-11 ta’ Ġunju tal-1982, lejla li għandha wirt politiku nazzjonali. Kienet propju dik il-lejla li quddiemha l-Maltin ħalfu li jxettlu l-mixegħla tad-demokrazija u jsaħħuha sewwa sew fejn kważi 20 sena qabel pajjiżna ċċelebra l-Indipendenza u allura l-ewwel passi għal demokrazija nazzjonali rikonoxxuta.

Għalhekk, il-Fosos tal-Furjana għandhom sehem importanti fit-tifsila tal-istorja politika Maltija u wisq u wisq aktar f’dik tal-Partit Nazzjonalista. Hemm żera’ l-għeruq tat-tama li aktar tard inbidlet f’xitla li sawret minn għeruqha pajjiż Ewropew.
Id-deċiżjoni li ċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza jieħdu posthom mill-ġdid fuq il-Fosos, allura, aktar milli hi deċiżjoni loġistika xierqa, hi wkoll ir-rabta mal-passat li fih il-poplu jista’ joħlom għall-futur bħalma ġara fil-lejla msemmija aktar ’il fuq.
L-Indipendenza tatna mhux biss ir-riedni ta’ pajjiżna, imma tatna l-opportunità li noħolmu għall-futur, u għalhekk inħoss li hemm rabta spiritwali bejn il-kisbiet tal-Partit Nazzjonalista u l-futur tiegħu li sa ftit tax-xhur ilu kien jidher imxekkel minn kull ħjiel ta’ tama.
Minkejja li l-għażla li għaċ-ċelebrazzjonijiet tas-sena li għaddiet kellhom ukoll sinifikat marbut magħhom – il-Partit Nazzjonalista għandu jiċċelebra t-twelid tad-demokrazija nazzjonali fid-dell tal-Parlamanent li hu s-simbolu tad-demokrazija – tajjeb li nagħrfu minn fejn tlaqna biex infittxu lil fejn għandna mmorru. Mhux biss fir-rigward ta’ voti mirbuħa jew mitlufa, għax fil-politika vera dawn mhumiex l-aktar importanti, imma fir-rigward tat-tiftixa għall-għeruq li fuqhom hu msejjes il-Partit Nazzjonalista.

Il-politika tbiddlet u se tkompli tinbidel, u għaldaqstant id-deċiżjonijiet li jieħu partit politiku. Madankollu, dan ma jfissirx li Partit politiku allura jista’ jitlef l-identità tiegħu biex jimxi ’l quddiem maż-żmenijiet. Nemmen, nifhem u nagħraf il-ħtieġa li l-partiti jinbidlu – inkella ma jkunux aktar rappreżentattivi tal-poplu – imma nirikonoxxi bil-wisq aktar il-fatt li l-partiti politiċi għandhom f’idejhom ir-riedni ta’ kif jaħsibha l-poplu billi jirriflettu u jfasslu b’viżjoni.

Qegħdin ngħixu fi żmenijiet fejn in-nies tiddetta dak li partit politiku għandu jiddibatti, u naqbel li dan hu pass pożittiv għax fir-realtà qed nifhmu allura li r-rabta bejn it-tnejn – il-poplu u l-partiti politiċi – għadu eżistenti għalkollox, anke jekk ħafna jħossu li tilfu l-interess attiv fil-politika.
Minkejja dan, kull partit, l-aktar l-aktar il-Partit Nazzjonalista li jinsab fl-Oppożizzjoni u għalhekk irid jattira l-elettorat biex jirkupra d-distakk, ma jistax jevolvi mingħajr ma jibqa’ leali lejn għeruqu.

Għaldaqstant, il-Partit Nazzjonalista tal-2016 li se jkun qed jiċċelebra l-passat li fuqu jrid jinbena l-futur fuq il-Fosos tal-Furjana fil-ġimgħa tal-Indipendenza, minkejja li mhuwiex il-Partit Nazzjonalista li ċċelebra l-kisba tal-Indipendenza u mhuwiex il-Partit Nazzjonalista li afferma l-viżjoni tad-demokrazija fl-1982, għandu jkun dejjem il-Partit li fuqu ssaħħaħ u kiber matul is-snin li ilu mwaqqaf: il-partit li jżomm il-patrimonju ta’ nazzjon.

Ma jista’ qatt il-Partit Nazzjonalista jagħti dahru lejn il-bidu u jinbidel f’partit li ma jingħarafx. Irid jerfa’ r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet u jħares ’il quddiem b’ottimiżmu li jkompli jkun dak li dejjem kien: Partit Nazzjonalista li hu l-leħen tal-poplu.