Internazzjonali

Azzjoni kontra t-terroriżmu f’Ontario

Il-Pulizija fil-provinċja ta’ Ontario sparaw fuq suspettat u qatluh waqt azzjoni kontra t-terroriżmu, b’kelliema għar-Royal Canadian Mounted Police isostnu biss li ‘ittieħdet azzjoni kontra suspettat li kien qed jaġixxi waħdu fiċ-ċirkustanzi’.
Ir-rapporti, intant, qalu li l-pulizija wettqet rejd fuq proprjetà fi Strathroy, lejn il-Lbiċ ta’ Toronto, filwaqt li identifikaw lill-maqtul bħala Aaron Driver, ta’ 24 sena, li, fl-aħħar snin, kien ikkonverta għall-Islam. Ingħad ukoll li Driver kien arrestat is-sena l-oħra talli appoġġja bil-miftuħ lit-terroristi tal-ISIS fuq il-midja soċjali.
Sadattant, uffiċjali tal-Pulizija infurmaw lill-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Canadian Press li s-suspettat, allegatament, kien qed jippjana biex iwettaq splużjoni suwiċida f’zona pubblika.