Minkejja l-pressjoni qawwija mill-ġurnalisti, il-Ministru tal-Ugwaljanza Helena Dalli baqgħet issostni li l-kumment taċ-Chief of Staff tagħha Ronnie Pellegrini ġie interpretat ħażin. U dan minkejja li hi ovvja li Pellegrini kien qed jinkoraġixxi l-preferenzi mal-impjegati Laburisti.
Mistoqsija minn The Malta Independent, il-Ministru Dalli baqgħet tgħid li qrat l-artiklu u anke l-kumment tiegħu, iżda skont hi ir-referenza taċ-Chief of Staff tagħha kienet għall-investigazzjoni mill-Ministru għall-allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.
Il-ġurnal kompla jirrapporta li l-Ministru tal-Ugwaljanza żammet ma’ Ronnie Pellegrini u tatu l-appoġġ kollu tagħha, minkejja li fil-jiem li għaddew hu kkummenta fuq Facebook wara artiklu dwar diskriminazzjoni bejn il-ħaddiema f’San Vincenz de Paul abbażi tal-kulur politiku tagħhom.
Fil-post, hu qal li “Hekk għandu jkun!”, jiġifieri li d-diskriminazzjoni politika bejn il-ħaddiema għandha ssir.
Ronnie Pellegrini hu isem sinonimu mal-Gvernijiet Laburisti tas-snin 70 u 80, fejn fil-passat kien id-dell tal-eks Ministru Laburista Lorry Sant. Hu kien jokkupa wkoll diversi pożizzjonijiet għoljin fi ħdan il-GWU.
Hu beda jinvolvi ruħu fil-Partit Laburista mill-1971, meta nħatar Assistent Segretarju ta’ Sezzjoni mill-Għaqda Żgħażagħ Soċjalisti. Fl-1978, kien elett ukoll bħala membru fl-Eżekuttiv Nazzjonali Laburista, filwaqt li fl-aħħar snin kellu sehem attiv ukoll f’diversi karigi.
//= $special ?>