BLOGS

Iċ-ċelebrazzjoni ta’ inqas minn xahar ieħor!

Il-ħarġa ta’ Il-Mument ta’ nhar il-Ħadd li għadda żvelat li t-tanker tal-gass se jasal Malta fl-10 ta’ Settembru li ġej. Data li s’issa ma ġietx miċħuda mill-awtoritajiet u li għalhekk wieħed jista’ jassumi bħala waħda realistika. B’hekk uffiċjalment ninsabu inqas minn xahar ’il bogħod mill-wasla tal-famuż tanker tal-gass.

Bla dubju ta’ xejn il-produzzjoni tal-elettriku bl-aktar metodu ambjentalment nadif hi xi ħaġa li wieħed jista’ biss jiddeskrivi bħala tir ovvju għal pajjiżna. Hu ċar daqs il-kristall li l-użu tal-Heavy Fuel Oil m’għandux ikun is-sors ta’ l-enerġija ta’ pajjiżna għal dejjem. Hu ċar li l-pjan dwar l-enerġija kien sa mill-bidu nett jeħtieġ li eventwalment issir il-qalba lejn metodu aktar nadif. Dwar dan ftit li xejn hemm kontroversja anke jekk il-Partit Laburista jipprova b’mod qarrieq jagħti impressjoni mod ieħor.
Il-kontroversja tiġi fil-metodu kif dan għandu jsir. Pajjiżna seta’ mexa fuq il-linja li jiffoka l-isforzi kollha tiegħu fuq l-użu tal-interconnector sal-massimu potenzjal tiegħu filwaqt li fl-istess waqt jaħdem qatigħ biex isir pipeline tal-gass li jgħaqqadna mal-Ewropa. B’hekk issir il-konverżjoni tal-impjant tal-BWSC għal gass u pajjiżna kien jibda jgawdi enerġija nadifa b’riskji minimi u mingħajr impatt viżwali addizjonali.

Minflok pajjiżna qabad rotta oħra. Minflok saret l-għażla li jiġi ankrat b’mod permanenti għal snin sħaħ tanker mimli gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa, li jsir użu minimu mill-interconnector anke jekk finanzjarjament pajjiżna jkun jaqbillu mod ieħor u li l-ħidma tal-pipeline tal-gass issir biss bħala konsegwenza tat-tanker f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk.
Dan it-tanker seta’ jkun ankrat ’il barra mill-bajja ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa iżda se jiġi ankrat fil-bajja għaliex naturalment biex dan isir hemm inqas spejjeż involuti; anke jekk ir-riskji ta’ impjant ta’ dik in-natura huma ovvji u ċari għal kullħadd.
It-tħassib ikompli jikber meta numru ta’ mistoqsijiet tekniċi ta’ ċertu serjetà baqgħu mhux imwieġba. L-istess baqgħu mhux imwieġba mistoqsijiet oħra ta’ importanza dwar l-impatt ġenerali tat-tanker. Mistoqsijiet li huma ta’ interess mhux għar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa biss iżda ta’ interess ferm aktar wiesgħa kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll għar-residenti tan-naħa t’isfel ta’ Malta b’mod ġenerali.

Bla dubju ta’ xejn proġett hekk sensittiv u delikat għandu jkun proġett li dwaru m’għadx fadal mistoqsijiet mill-aktar serji u importanti.
Mhux ta’ b’xejn għalhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil nhar il-Ħadd li għadda fuq Radio 101 iddeskriva t-tanker bħala vendikazzjoni mar-residenti ta’ Marsaxlokk u Birżebbuġa. Vendikazzjoni għaliex meta wieħed jagħsar kollox ftit li xejn wieħed isib loġika razzjonali f’dak li qiegħed isir u jiġi deċiż mill-Gvern Laburista.
Il-qalba lejn enerġija nadifa ma’ kenitx teħtieġ Power Station ġdida u ċertament li kieku kienet meħtieġa kien hemm metodi kif din issir li ma jħallux l-impatt enormi li se jħalli t-tanker.

Naturalment f’ġieħ l-interess nazzjonali u l-interess ta’ kulħadd wieħed jawgura li l-proġett, anke jekk magħmul mingħajr loġika ċara, jirnexxi għaliex il-konsegwenzi jekk tali proġett ma’ jirnexxiex huma negattivi b’mod drastiku. Ħasra li dik li setgħet kienet opportunità spiċċat f’okkażjoni li se tħalli impatt negattiv fuq in-naħa t’isfel ta’ Malta speċjalment fuq il-lokalitajiet pittoreski bħal Birżebbuġa u Marsaxlokk.