Lokali

Il-Konvoj ta’ Santa Marija – il-Konvoj li ta t-tama li nibqgħu ngħixu

Il-Ħamis filgħaxija saret il-kommemorazzjoni uffiċjali tal-74 anniversarju ta’ “Operation Pedestal”, jiġifieri l-wasla tal-għajnuna f’Malta mir-Renju Unit fit-Tieni Gwerra Dinjija. Din l-kommemorazzjoni, li fakkret dak li hu magħruf magħna l-Maltin bħala l-Konvoj ta’ Santa Marija, saret fix-xatt Ta’ Liesse fil-Belt Valletta. Deskritt fl-attivita’ l-konvoj xi msejjaħ bħala ‘It-Tama li nibqgħu ngħixu’.

Fil-15 ta’ Awwissu tal-1942 il-Konvoj ta’ Santa Marija wasal Malta biex iwassal provvisti vitali għall-poplu li kien wasal fl-aħħar wara xhur twal ta’ gwerra qalila. It-tifkira tal-bieraħ fil-Port il-Kbir kienet ċerimonja mimlija innijiet, qari u kant, li għaliha attendew l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, kif ukoll dinjitarji u Ambaxxaturi f’pajjiżna.

Okazzjoni Konvoj Santa Marija (13 of 29)

Preżenti wkoll membri tal-Ġudikatura, rappreżentanti tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, membri tal-Korp Diplomatiku u veterani tal-gwerra.

Tul il-kommemorazzjoni, saret ċerimonja simbolika bit-tfiegħ ta’ fjuri fil-baħar biex jiġu mfakkra dawk li tilfu ħajjithom f’din il-missjoni u l-baħħara li tilfu ħajjithom waqt li kienu xogħol fuq il-baħar.

Fi tmiem din l-attivita’ saret l-inawgurazzjoni tad-dar għall-Baħħara bl-isem ta’ Dar M.V Moor, dar li se tagħti akkomadazzjoni lill-dawk il-baħħara li forsi minħabba sitwazzjonijiet mediċi ma’ jkunux jistgħu jerġgħu mmorru fuq il-baħar. Dwar dan tkellimna mas-saċerdot Joe Borg, il-Kappillan tal-Port fejn qalilna li issa t-tieni sular tad-dar biswit il-knisja se jibda’ jservi b’dan il-mod.

Okazzjoni Konvoj Santa Marija (3 of 29)

Bla ebda dubju huwa tenna wkoll li din id-dar se sservi ta’ ġid u le tgħin żgur lill-komunita’ tal-baħħara li qegħdin jew jiġu fuq xogħol fuq il-gżira tagħna.