Minkejja li għaddew 10 xhur minn meta l-Awditur Ġenerali ħareġ rapport ta’ kundanna għall-Gvern dwar kif inkiser ftehim mal-GWU, il-Gvern għadu ma mexiex fuq il-parir tal-Awditur Ġenerali u ma ressaqx lill-GWU l-Qorti.
Fir-rapport tiegħu, li ġie ppubblikat f’Ottubru li għadda u li tratta l-kirja tal-Gvern għall-propjetà tal-Union fil-Belt, l-Awditur Ġenerali kien irrimarka li din il-kirja kienet waħda illegali. Tant hu hekk li mir-risposti li ngħataw fl-investigazzjoni, kien jidher ċar li qabel ma ġie ffirmat il-kuntratt tal-kirja, kien hemm min kien jaf li dak li kien se jsir kien illegali.
Fid-deal, il-GWU qed iddaħħal il-flus bi ksur ta’ kuntratt li sar mal-Gvern fl-1997, li jimpedi lill-Union milli tikri jew tbigħ il-propjetà tagħha lil kwalunkwe kumpanija jew entità li m’għandhiex il-maġġoranza tax-shareholding tagħha.
F’dan il-każ, il-GWU qed tikri l-propjetà tagħha fil-Belt lill-ARMS, li hi tal-Gvern, parti mill-propjetà lill-aġenżija tal-ivvjaġġar Untours u lir-restaurant Sciacca Grill, li wkoll il-GWU m’għandhiex 51% tal-ishma tagħhom.
Min jikser il-Land Disposal Act ikun qed iwettaq att kriminali li jista’ jwassal għal multa ta’ 2,329 ewro u piena ta’ sitt xhur priġunerija. Iżda skont l-aħħar kummenti lill-media, sitt xhur wara r-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-Ministru tal-Ġusizzja Owen Bonnici kien qal li għadu qed jistenna parir dwar jekk il-Gvern għandux jieħu lill-GWU l-Qorti.
Madankollu, minn dakinhar sal-lum ma nstema’ xejn, b’sorsi fil-Ministeru tal-Ġustizzja qalu lil NETnews li l-Gvern qed jagħmel minn kollox biex inessi dan il-każ mill-media ħalli ma jkunx hemm pressjoni u ma jfittix lill-Union.
//= $special ?>