Ambjent Lokali

L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għandha d-dmir tappella – in-network tas-soċjetà ċivili

Bħala l-għassies tal-Ambjent għan-nom tal-Istat, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għandha d-dmir li tappella kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, li awtorizzat il-bini tat-torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema.

Fi stqarrija, in-network tas-soċjetà ċivili qal li l-Awtorità tal-Ippjanar ħadet dawn id-deċiżjonijiet minkejja ksur tal-policies, nuqqasijiet fl-istudji dwar l-impatt ta’ dawn it-torrijiet u minghajr l-ebda masterplan dwar żvilupp ta’ bini għoli.

L-istess network qal li se jkun qed isegwi mill-qrib x’azzjoni se tieħu l-Awtorità tal-Ambjent u jistenna li l-Ambjent għandu jkun l-ewwel prijorità.

In-network tas-soċjetà ċivili sejjaħ ukoll għall-pubblikazzjoni tal-korrispondenza bejn iċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent Victor Axiaq u l-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar l-iżvilupp tat-torrijiet fl-Imrieħel u f’Tas-Sliema.