Il-Malta Freeport hu s-sors prinċipali tad-dħul finanzjarju ta’ mijiet ta’ Ħaddiema tal-Port li huma membri tal-Malta Dockers Union (MDU). Għalhekk, il-union talbet għal laqgħat mal-Prim Ministru u mal-Kap tal-Oppożizzjoni biex tkun diskussa u spjegata l-pożizzjoni rispettiva tagħhom.
Fi stqarrija, fid-dawl tad-dikjarazzjonijiet u stqarrijet pubbliċi li saru fil-ġimgħat li għaddew dwar it-tkabbir u l-futur tal-Freeport, l-MDU qalet li f’dawn il-laqgħat se tinsisti li filwaqt li l-Freeport għandu jitħalla jkabbar u jiżviluppa l-operat tiegħu skont l-esiġenzi tas-settur tat-trasbord, dan għandu jsir b’rispett sħiħ lejn ir-residenti tal-madwar u l-miri ambjentali ta’ pajjiżna.
Il-kontroversja tqanqlet ix-xahar li għadda meta, waqt konferenza organizzata minn Ernst & Young, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li hu kontra t-tkabbir tal-Freeport. Din id-dikjarazzjoni qanqlet tħassib, fost oħrajn mill-kumpanija nnifisha, li qalet li qed tieħu nota u ssegwi mill-qrib dak li qed jingħad biex tkun tista’ tevalwa l-futur tagħha u tal-impjegati kollha diretti u indiretti.
//= $special ?>