BLOGS

Oppożizzjoni kostruttiva

Fil-leġiżlaturi li għaddew, konna mdorrijin naraw Gvern immexxi bil-pajjiż u l-ġid komuni bħala prijorità, filwaqt li fuq in-naħa l-oħra tal-Kamra kien hemm oppożizzjoni li tipprova xxekkel u twaqqaf ix-xogħol tal-Gvern b’kull mod possibbli anke jekk dak li qed jipproponi l-Gvern ikun ta’ benefiċċju għal kulħadd, irrelevanti mill-opinjoni politika.
Kellna Oppożizzjoni li l-uniku interess tagħha kien li timmina x-xogħol tajjeb tal-Gvern biex tpoġġi lilha nnifisha f’pożizzjoni aħjar biex tirbaħ l-elezzjoni. Kellna Oppożizzjoni li ġġib l-interess partiġjan qabel dak nazzjonali – u llum, issa li l-poplu ta l-fiduċja lil dik l-Oppożizzjoni u poġġiha fil-Gvern, qed naraw ir-riżultat bi skandlu wara l-ieħor.
Illum is-sitwazzjoni hi differenti. Illum għandna Oppożizzjoni li qed taħdem b’mentalità ta’ Gvern. Għandna Oppożizzjoni li filwaqt li tiskrutinja x-xogħol tal-Gvern, kif għandu jkun, qed tieħu pożizzjonijiet sodi u konkreti fuq diversi oqsma li jolqtu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadin.
Mhux qed tibża’ tipproponi ġaladarba dawn il-proposti jkunu ta’ benefiċċju għal pajjiż jew għaċ-ċittadin. B’differenza tal-Oppożizzjoni Laburista tal-aħħar leġiżlaturi, din l-Oppożizzjoni qed tkun ta’ tarka għal pajjiżna kontra l-abbużi u qerq li qed iwettaq il-Gvern – u qed tagħmel dan għaliex il-poplu ma jixraqlux li jkun insultat, u injorat, kif qed jiġri llum b’mod regolari, bl-aġir ta’ Joseph Muscat u sħabu.

Problemi reali
L-Oppożizzjoni qed turi li hi konxja mir-realtajiet li jgħix il-poplu fil-ħajja ta’ kuljum u dan hu rifless fil-ħidma tagħha – ħidma li b’mod kontinwu qed turi s-sinsla u l-karattru tal-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Simon Busuttil. Mingħajr biża’, l-Oppożizzjoni qed tkun proattiva, kultant tiddetta l-ħidma tal-Gvern anke mill-bankijiet tal-Oppożizzjoni, dan għaliex l-ewwel interess tagħha hu li pajjiżna jkun aħjar.

Traffiku
Realtà li niffaċċjaw, u b’din ir-rata se nkomplu niffaċċjaw, kuljum – it-traffiku. Minkejja l-iskużi kollha li jġib il-Gvern – skejjel, xita, trasport pubbliku, toroq – is-sitwazzjoni tibqa’ tmur dejjem għall-agħar. Dan għaliex il-Gvern, minflok isib soluzzjoni qed jipprova jwaħħal f’kull ħaġa minbarra fih innifsu.
Il-Gvern għadu ma rrealizzax li hu qed jiggverna u għandu jsib soluzzjonijiet mhux ħtija jew tfigħ ta’ tajn. Għalhekk kienet l-Oppożizzjoni li ħarġet b’numru ta’ proposti biex jindirizzaw il-problemi tat-traffiku li magħhom iġibu numru ta’ problemi oħra li jridu jiffaċċjaw iċ-ċittadini.

Politika onesta
Hemm numru oħra ta’ oqsma li fihom l-Oppożizzjoni ressqet proposti – fosthom Awtoritajiet Indipendenti, bdil fil-liġi tal-ġudikatura, l-obeżità u numru ta’ oqsma oħra. Biss l-iktar proposta importanti li qed iressaq il-Partit Nazzjonalista hi dik ta’ Politika Onesta.
Il-poplu ddejjaq jisma’ fuq l-iskandli tal-Panama, Gaffarena, Cafè Premier u oħrajn. Meta ngħidu ddejjaq jisma’, ifisser li ddejjaq jara affarijiet bħal dawn jiġru madwaru filwaqt li hu jew hi, qed jaraw kif se jgħajjxu l-familji tagħhom, qed jaraw kif se jżommu xogħolhom sikur, qed jaraw kif se jiżguraw saqaf fuq rashom u futur għal uliedhom. Iddejjaq jara n-nies tal-qalba jsiru iktar sinjuri filwaqt li l-fqir isir iktar fqir.
Il-poplu hu mxebba’ bl-abbużi li ġab miegħu l-poter li ngħata lill-Partit Laburista tliet snin ilu. Kienu ħafna dawk li belgħu l-lixka ta’ Gvern li Jisma’, ta’ trasparenza u kontabbiltà u llum induna li ġew imqarrqa.
Illum il-poplu qed jinduna li jixraqlu aħjar – li jixraqlu Gvern li jħares l-ewwel u qabel kollox l-interess tal-pajjiż u tal-poplu. Qed jinduna li l-vot tiegħu għandu s-saħħa u li s-saħħa li jmexxi jrid jagħtiha lil min għandu verament għal qalbu l-valuri tal-onestà – dan hu dak li qed iwiegħed il-Partit Nazzjonalista.