Knisja Lokali

Surplus ta’ ftit anqas minn €3 miljun għall-Arċidjoċesi fl-2015

L-Arċidjoċesi ta’ Malta llum ippubblikat ir-rendikont finanzjarju għall-2015, fejn hekk kif ippreżentati mis-Segretarju Amministrattiv Michael Pace Ross, il-Kurja rreġistrat sena finanzjarja pożittiva b’surplus ta’ ftit anqas minn €3 miljun.

Fil-konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Kurja fil-Furjana, is-Segretarju Amministrattiv ħabbar li d-dħul għall-2015 naqas għal €6.4 miljun mis-sena ta’ qabel minħabba numru ta’ fatturi, fosthom rati ta’ interess aktar baxxi fl-investimenti u nuqqas fid-dħul kapitali li ġie rrealizzat mill-APS Bank Ltd.

Min-naħa l-oħra, il-Kurja daħħlet somma akbar ta’ flus meta kkumparat mas-sena ta’ qabel minn donazzjonijiet. Id-dħul mill-propjetà ukoll ra żieda sostanzjali.

Fuq nota pożittiva wkoll, l-ispejjeż tal-Kurja raw tnaqqis b’€500,000 mill-2014, bil-pagi tas-Saċerdoti u impjegati oħrajn tal-Kurja jkopru żewġ terzi tat-total. L-ispejjeż għall-operazzjoni tal-Kurja naqsu b’45% wara li ammont ta’ dejn tal-passat li kien maħsub li ma jistax jinkiseb lura, ġie rkuprat matul din l-aħħar sena finanzjarja.

L-ispejjeż fuq tiswija u manutenzjoni ukoll ra nuqqas, filwaqt li t-total tax-taxxa li ġiet irreġistrata kienet ta’ ftit aktar minn €1 miljun.

Minkejja li d-dħul kien akbar mill-ispejjeż, ir-riżultat finali ġie influwenzat mis-sussidji li l-Kurja tagħti lill-entitajiet ekklesjastiċi, li raw tnaqqis b’24%. Ir-residenzi tat-tfal ma riedu l-ebda sussidju min-naħa tal-Kurja minħabba li ntużaw flus li tħallew mill-wirt ta’ diversi benefatturi.

Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet, l-Arċidjoċesi ħabbret diversi proġetti li bdiet taħdem jew għad trid tniedi fil-futur, fosthom investiment f’residenzi għall-persuni b’diżabbiltà u fis-settur tal-media tagħha.