Lokali

FILMAT: “Assolutament!” – Helena Dalli mhux se tieħu passi kontra Ronnie Pellegrini wara kummenti diskriminatorji

Il-Ministru tal-“Ugwaljanza” Helena Dalli ikkonfermat ma’ NETnews.com.mt li mhux se tkun qed tieħu passi kontra ċ-Chief of Staff tagħha, Ronnie Pellegrini, li fuq Facebook kiteb “Hekk għandu jkun” taħt artiklu intitolat: “(Denis Tanti) Jgħid li ħaddiema Laburisti huma ppreferuti f’San Vincenz”.

“Assolutament, użgur li mhux se nieħu (passi)” insistiet il-Ministru Dalli filwaqt li ġġustifikat dak li kiteb Ronnie Pellegrini billi qalet li ċ-Chief of Staff tagħha ġie interpretat ħażin. Fil-ġustifikazzjoni tagħha, il-Ministru qalet li Ronnie Pellegrini qal “hekk għandu jkun” dwar azzjoni mill-Ministru Michael Farrugia kontra l-allegazzjonijiet ta’ diskriminazzjoni.

Fil-jiem li għaddew, Denis Tanti, eks-uffiċjal fl-isptar San Vincenz De Paul żvela prattiċi diskriminatorji f’San Vincenz, fejn kienet issir diskriminazzjoni ma’ impjegati li mhumiex Laburisti, dan filwaqt li ħaddiema Laburisti kienu jiġu ppreferuti.

Wara l-kumment li sar minn Ronnie Pellegrini fuq Facebook, li bl-aktar mod ċar jippromwovi d-diskriminazzjoni, NETnews.com.mt staqsa lill-Ministru tal-“Ugwaljanza” Helena Dalli jekk hijiex qed tippromwovi d-diskriminazzjoni hi stess meta ma tieħu l-ebda passi kontra Pellegrini. “Jimporta tħallini mmur nagħmel ix-xogħol tiegħi?” wieġbet il-Ministru qabel daħlet fil-karozza Ministerjali tagħha u ħarbet mill-post.