Atletika Lokali Sport

FILMAT: Maltija tiġi l-ewwel fir-rawnd preliminari tal-ġiri tal-100 metru

Charlotte Wingfield rebħet il-ġirja preliminari tal-100 metru fl-Olimpijadi f’Rio de Janeiro fil-Brażil.

Il-Maltija ta’ 21 sena irnexxielha tagħmel il-ġirja tal-100 metru fi 11.86 sekonda biex b’hekk għaddiet għall-ewwel rawnd li se jsir għada s-Sibt 13 t’Awwissu fit-3.40 ta’ filgħodu ħin ta’ Malta.

Charlotte Wingfield hi t-tieni Maltija fil-ġiri li rnexxielha tgħaddi mill-rawnd tal-ftuħ tal-logħob Olimpiku, hekk kif fl-aħħar edizzjoni tal-Olimpijadi f’Londra 2012, Diane Borg kienet għaddiet għal fażi li jmiss ukoll.

Fil-ġirja li saret fl-Istadju Olimpiku – l-Maltija spiċċat fl-ewwel post qabel dik tal-Kongo Cecila Bouele li għalqet il-ġirja b’11.98 sekonda u wara Sunayna Wahl mis-Suriname li ġiet fit-tielet post b’12.09 sekondi. Kien hemm total ta’ 24 atleta fit-tellieqa.

Il-ġirja li għamlet illum Wingfield kienet biss 0.17-il sekonda l-bogħod mir-rekord nazzjonali tagħha li hu ta’ 11.69 sekonda li kienet kisbet is-sena l-oħra f’Baku fl-Ażerbajġan waqt il-logħob Ewropew.

Charlotte Wingfield twieldet fir-Renju Unit, iżda s-sena l-oħra għażlet li tieħu sehem f’logħob kompettitiv f’isem Malta, fejn missierha twieled.

 

Team Malti Olimpjadi