Il-Knisja esprimiet tħassib dwar il-bini ta’ torrijiet f’Malta u qalet li l-argument rridu nibnu ‘l fuq flok fil-kampanja jagħmel sens biss jekk il-bini kollu eżistenti huwa okkupat, jekk iż-żieda fil-kostruzzjoni hija indispensabbli u jekk il-kundizzjonijiet tal-ħajja tal-Maltin se titjieb bħala riżultat ta’ dawn il-binjiet.
Iżda l-Kurja, permezz tal-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent, qalet li tħoss li għad hemm ħafna mistoqsijiet u dubji dwar dawn il-proġetti u l-impatt tagħhom fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies, bil-Knisja tgħid li mhix konvinta li qed tingħata priorità lill-ġid komuni, kif suppost.
Il-Knisja kompliet li qabel ma tittieħed deċiżjoni fuq kull proġett, għandu jkun hemm studju bir-reqqa ta’ kull aspett tiegħu, speċjalment jekk ikun proġett kbir.
Fl-aħħar jiem, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat il-bini ta’ torri ta’ 38 sular f’Tas-Sliema u erba’ torrijiet oħra fl-Imrieħel.
Il-Knisja, staqsiet x’inhu l-ogħla: jekk hux il-ġid komuni jew il-profitti tal-ftit, waqt li qalet li dak li jgħodd għal barra, spiss ma jkunx jagħmel sens għal pajjiżna.
Fl-istqarrija tagħha, l-Kurja appellat lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tifhem dik li sejħet bħala “logħba tal-iżviluppaturi”, fejn l-ewwel issir applikazzjoni li tmur kontra l-policies, biex imbgħad ikunu preżentati pjanti ta’ proġett imċekken biex tingħata l-impressjoni li sar xi titjib kbir fil-proġett propost.
Il-Knisja rrimarkat li l-policy ta’ bini għoli m’għandiex effett fuq l-ambjent biss, iżda jista’ jkollha effett fuq il-politika fiskali tal-pajjiż, bil-Knisja tfakkar li proponiet lill-Gvern biex jalloka fondi għal studju nazzjonali dwar id-domanda u l-provvista tal-propjetà f’Malta.
Il-Knisja esprimiet tama li min hu responsabbli jkollu l-kuraġġ li jerġa’ jaħsibha, u li jħalli l-affarijiet isiru b’mod aktar sensibbli.
//= $special ?>