Sport Sport Ieħor

Il-President u s-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Maltija tal-Judo jinsabu f’Rio jaħdmu fil-Logħob Olimpiku f’isem il-Federazzjoni Internazzjonali

Il-President Envic Galea ilu attiv fil-qasam internazzjonali tal-isports għal għexieren ta’ snin. Hu ilu jservi fuq il-Kumitat Eżekuttiv tal-Unjoni Ewropea tal-Judo (EJU) mil-1991 u fl-2004 ġie elett bħala Segretarju Ġenerali u President tal-Kummissjoni Medika.

Fl-2013, il-President tal-IJF Marius Vizer talab lil Galea biex iwaqqaf l-Akkademja tal-Kowċis għall-Federazzjoni Internazzjonali tal-Judo (IJF), filwaqt li f’Awissu 2013 beda jimmeniġjaha bħala Direttur. S’issa, l-Akkademja qed teduka Kowċis minn 65 Federazzjoni, inklużi l-Ġeorġja, it-Turkija, l-Istati Uniti, iż-Żambja, l-Awstralja, l-Ungerija, il-Messiku u oħrajn.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Ġenerali Louisa Galea segwiet il-passi internazzjonali tiegħu. Hi bdiet il-karriera tagħha fl-2004 u għal disa’ snin ħadmet għall-EJU fis-Segretarjat u fil-Marketing. Fl-2013, ġiet l-opportunità li Galea tibda taħdem mal-IJF, fil-pożizzjoni ta’ Manager għall-Protokoll. Galea tikkordina l-loġistika għall-IJF fil-Grand Prix, fil-Grand Slam u fil-Kampjonati tad-Dinja kollha.

It-tnejn li huma kienu mistiedna biex jattendu għal-Logħob Olimpiku f’Rio bħala Uffiċjali tal-Federazzjoni Internazzjonali: Envic bħala International Technical Officer u Louisa bħala Staff. Dawn se jkunu r-raba’ Logħob Olimpiku għal Envic f’isem l-IJF u t-tieni għal Louisa wara li fl-2012 kienet volontarja.

F’Ottubru li ġej, il-Federazzjoni Maltija se torganizza l-Kampjonati tad-Dinja tal-Kata għat-tieni darba. Għal din l-edizzjoni, il-koppji Maltin tal-Kata Ivan Esposito u Tiziana Apap, kif ukoll Joe Muscat u Joe Bonello qed jagħmlu preparazzjoni intensiva.

Barra minhekk, hemm ħafna proġetti oħrajn u inizjattivi ġodda għall-Judoka Maltin li se jibdew minn Settembru li ġej. Dan meta d-Dojo il-ġdid f’Pembroke diġà beda jiffunzjona.