Lokali

Iż-żgħażagħ kruċjali biex pajjiżna jkompli miexi ‘l quddiem

“Wara li ħdimna flimkien biex pajjiżna jkollu Politika Nazzjonali għaż-Żgħażagħ Towards 2020​ maqbula bejn kulħadd, issa wasal iż-żmien li nżidu r-ritmu tal-ħidma tagħna biex naraw li verament jiġi mwettaq dak li hemm qbil fuqu u li hu ta’ importanza fl-iżvilupp politiku u soċjali taż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin” – hekk stqarr il-Whip tal-Partit Nazzjonalista u l-Kelliem għaż-Żgħażagħ u Sport David Agius, flimkien mal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.

Il-Partit Nazzjonalista jemmen li wasal iż-żmien li fil-Parlament Malti ssir diskussjoni dwar it-twettiq tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ, liema Seduta Parlamentari tinfetaħ għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin biex il-politiċi jisimgħu l-leħen taż-żgħażagħ fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, in-Nazzjonijiet Uniti għażlu t-tema The Road to 2030: Eradicting Poverty and Achieving Sustainable Consumption and Production biex tkun it-tema prinċipali għal dan il-jum. Dan juri kemm hu importanti li anke ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin jaħdmu flimkien biex indawru r-rotta li qabad pajjiżna u nnaqsu l-faqar minn fostna.

F’din il-ġurnata, l-Partit Nazzjonalista jtenni l-impenn li jara li pajjiżna jibqa’ miexi ‘l quddiem u jara li l-ġid li jinħoloq jitqassam b’mod ġust u ekwu bejn kulħadd, speċjalment fost dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.