Internazzjonali

L-eksplejer tal-futbol Tork Hakan Sukur imfittex b’konnessjoni mal-kolp ta’ stat

Il-Pulizija Torka ħarġet mandat għall-arrest ta’ wieħed mill-aktar plejers tal-futbol magħrufa fit-Turkija – l-eks attakkant internazzjonali Hakan Sukur. Dan b’rabta mal-attentat ta’ kolp ta’ stat f’Lulju
Uffiċjali qalu li Sukur – li mar jgħix l-Istati Uniti xi xhur ilu — qed jiffaċċja akkużi li hu msieħeb ‘f’organizzazzjoni terroristika armata’, bil-pulizija twettaq tfittxija f’almenu żewġ residenzi fil-Punent tat-Turkija.
Bħala eksdeputat tal-Partit AK, Hakan Sukur hu wkoll magħruf bħala sostenitur tat-teologu Fethullah Gulen, li l-awtoritajiet Torok qed jakkużaw bħala protagonista fil-kolp ta’ stat.
L-eksplejer, fil-passat, kien esprima kemm il-darba appoġġ għal Gulen.
Fethullah Gulen qed jgħix f’eżilju fl-Istati Uniti u l-Gvern Tork sejjaħ għall-estradizzjoni tiegħu biex jiffaċċja proċess bil-qorti, fuq akkużi li hu kien ‘il-moħħ’ wara l-kolp ta’ stat tal-15 ta’ Lulju.
Il-President tat-Turkija, Recep Tayyip Erdogan, wieġeb bit-tkeċċijiet ta’ għexieren ta’ eluf ta’ membri tal-Armata u ħaddiema maċ-ċivil fuq suspett li huma sostenituri ta’ Gulen.