Iċ-Chairman tal-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) Victor Axiak għadu mhuwiex lest li jitkellem pubblikament u jagħti l-oppinjoni tiegħu dwar t-torrijiet kontroversjali tal-Imrieħel u ta’ Tas-Sliema – minħabba l-fatt li l-ERA stess għad trid tiddeċiedi jekk mhix se tappella d-deċiżjoni tal-Awtorita’ tal-Ippjanar li jinbena dan il-bini high-rise.
Il-Professur Axiak li hu membru l-Awtorita’ tal-Ippjanar ġie kritikat mill-organizzazjonijiet tas-soċjeta’ ċivili talli ma kienx preżenti dakinhar tad-deċiżjoni tal-iżvilupp minħabba li kien ma jiflaħx.
F’dikjarazzjoni f’ismu lil media, l-Professur Axiak qal li hu talab żmien twil ilu qabel ma nqala dan il-każ lill-membri tal-bord biex ikun hemm l-opportunita’ li tingħata l-prokura tal-vot lill-ħaddieħor u min ikun assenti jkun jista’ jivvota xorta waħda.
Kompla jgħid li ċ-Chairman tal-Bord tal-Awtorita’ tal-Ippjanar, lis-Segretarju tal-Bord u lilll-Minsitru tal-Ambjent kienu infurmati li ma setax jattendi għall-vot tat-2 t’Awwissu, fl-istess jum li hu ġie rilaxxat mill-isptar Mater Dei b’istruzzjonijiet tat-tobba li jistrieħ għall-ġimgħatejn sħaħ tal-inqas.
Iċ-Chairman tal-ERA iddefenda d-deċiżjoni tiegħu li tinqara memo f’ismu minn membru ieħor tal-bord Timmy Gambin, u li kienet tispjega x-xewqa tiegħu dwar il-kwistjoni ambjentali tat-torrijiet tal-Imrieħel u ta’ Tas-Sliema – mingħajr ma titfa’ pressjoni mhux ġusta jew mhux xierqa fuq membri oħra tal-bord.
Madanakollu, Timmy Gambin iddeċieda li ma jaqrax il-memo tal-Professur Axiak waqt id-diskussjoni dwar it-torrijiet ta’ Tas-Sliema.
Reazzjoni tan-Network tas-Soċjeta’ Ċivili:
Fi stqarrija mibgħuta f’isem numru ta’ nies taħt in-Network tas-Soċjeta’ Ċivili, huma stqarru li l-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha taqdi dmirijietha u tappella d-deċiżjoni tal-Awtortita’ tal-Ippjanar li tapprova l-bini f’Tas-Sliema.
Huma komplew, li d-deċiżjoni ttieħdet wara diversi ksur ta’ policies, nuqqasijiet fl-impatt ambjentali preżentati u nuqqas ta’ ippjanar ġenerali tal-ambjent.
Is-Soċjeta’ Ċivili ħabbret li se tkun qed tara mill-viċin l-azzjonijiet tal-ERA u tistenna li l-ambjent jingħata prijorita’ qabel kunsiderazzjonijiet oħra.
L-istess network talbet għall-pubblikazzjoni tal-korrispondenza kollha bejn l-ERA, iċ-Chairman Victor Axiak u l-bord tal-Awtorita tal-Ippjanar u l-membri kollha – korrispondenza relatata mad-deċiżjonijiet tal-bini highrise fl-Imrieħel u Tas-Sliema.
//= $special ?>