Ambjent Lokali

L-osservazzjonijiet taċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi għandhom jiġu ppubblikati minnufih

Il-Partit Nazzjonalista jinnota l-istqarrija taċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi l-Profs. Victor Axiaq b’rabta mad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar li toħroġ il-permess biex f’Tas-Sliema jinbena torri ta’ 38 sular. Fid-dawl ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet, il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti biex l-osservazzjonijiet li għamel l-Profs. Axiaq, li nżammu sigrieti waqt il-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar jiġu ppubblikati minnufih.

Il-ħsieb wara dawn l-osservazzjonijiet kien li dawn jinqraw fil-pubbliku waqt il-laqgħa tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar, xi ħaġa li ma saritx. Għalhekk, l-anqas ħaġa li għandha ssir issa hi li l-vuċi ambjentali ma tibqax tinħonoq, iżda dak li kellu jkun pubbliku, jkun pubbliku, u ma jitħalliex fid-dlam.

Dan kien l-ewwel test ta’ kredibilità għall-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, li iżda, ġie mtappan totalment. F’isem ir-residenti ta’ Tas-Sliema, li se jintlaqtu direttament b’dan l-iżvilupp eċċessiv, u f’isem it-trasparenza, l-Partit Nazzjonalista jinsisti li dawn l-osservazzjonijiet jiġu ppubblikati minnufih.

Hu ta’ tħassib ukoll il-fatt li minkejja t-talba tal-Profs Axiaq biex ikun nominat sostitut fl-assenza tiegħu, din it-talba ġiet irrifjutata. Daqstant ieħor hu ta’ tħassib il-fatt li l-Ministru tal-Ambjent, minkejja li kien konxju li l-vuċi ambjentali ma kenitx se tinstema’, baqa’ ma ħa ebd​a azzjoni.

Dan kollu jikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista kellu raġun meta, fid-diskussjoni Parlamentari dwar il-qasma fil-MEPA, insista li dan il-proċess kien se jirriżulta f’ħaġa waħda: li l-vuċi ambjentali tiddgħajjef u tagħmel passi ta’ ġgant lura.