Internazzjonali

Ma jaqtgħux qalbhom li jsibu l-‘ferrovija tad-deheb’

Żewġ irġiel iffissati fil-kaċċa għat-teżor huma konvinti li ‘di xarba’ se jsibu ferrovija mimlija bid-deheb li kienet tan-Nażisti u li għabet fl-1945, lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Fil-fatt, Piotr Koper u Andreas Richter se jibdew mill-ġdid it-tfittxija fi kwistjoni ta’ jiem waqt li beħsiebhom jipprovdu live streaming tal-avventura fuql-Internet.

Il-ferrovija tad-deheb ilha tqanqal l-ispekulazzjoni mindu Koper u Richter qalu li r-riċerka tagħhom ikkonvinċiethom li l-ferrovija kienet intradmet taħt l-art ta’ mina f’Walbrzych, lejn il-Lbiċ tal-Polonja.

Skont ‘il-leġġenda’, din il-ferrovija kienet ippakkjata bid-deheb u l-ġojjelli ekwivalenti għal 250 miljun Sterlina. Jingħad li n-Nażisti kienu ħbew id-deheb u l-ġojjelli biex ma jinqabdux mill-Armata l-Ħamra tal-eks Unjoni Sovjetika li kienu qed javvanzaw lejn il-Ġermanja fl-aħħar tal-gwerra.

Issa, Koper u Richter qed jgħidu li se jkomplu bit-tfittxija minħabba indikazzjonijiet ta’ ‘anomaliji’ li kien ipproduċa radar li jippenetra l-art. Dan waqt li huma jsostnu li ‘jekk il-ferrovija qegħda hemm, huma se jsibuha’.

F’Diċembru li għadda, il-Professur Janusz Madej, xjenzat ibbażat fi Krakovja li kien mexxa tfittxija relatata f’sit bejn Wroclaw u Walbrzych, qal li l-iskwadra tiegħu ma sabu l-ebda provi dwar l-eżistenza tal-ferrovija. ‘Għalkemm il-mina tista’ tkun fejn jaħsbu li qiegħda, ma naħsibx li nistgħu ngħidu l-istess għall-hekk-imsejħa ferrovija tad-deheb’, ikkonkluda Madej.