Ix-xejra bħalissa hi l-bini għoli. ʼIl hekk imsejħa ‘high rise buildings’. Mhux għax jien għandi xi ħaġa kontra bini għoli. Jien favur, iżda taħt ċerti kundizzjonijiet. Ewlenija fosthom nemmen li dan il-bini m’għandux ikun imxerred mal-erbat irjieħ ta’ pajjiżna: Tas-Sliema, Tignè, San Ġiljan, Raħal Ġdid, l-Imrieħel. Bini bħal dan għandu jkun konċentrat f’post wieħed biex inkunu ċerti li l-infrastruttura tiflaħ għalih. Bħalissa wkoll reġa’ qed jissemma t-tanker/terminal tal-gass li jinsab fi triqtu minn Singapore lejn Malta biex isebbħilna l-bajja ta’ Marsaxlokk! Ara ma’ dan it-tanker ma naqbilx kompletament. Jekk hemm xi ħadd li bil-wiċċ tost kollu qal li dan kien se jkun ir-rigal tal-gvern għan-nies tan-naħa t’isfel ta’ Malta ngħidlu: Żommu għalik! Poġġieh fejn tarah int. Ir-rigal żommu għalik. Mhux se niġġieldu miegħek fuq hekk.
Il-bini għoli għandu l-vantaġġi tiegħu. Jista’ jiġbor mijiet ta’ nies fi blokk wieħed u hekk ma nkomplux nieklu mill-ftit art li baqa’ għas-settur agrikolu u biex titgawda mill-poplu bħala ambjent nadif u san.
Il-bini għoli għandu wkoll żvantaġġi. Konċentrament ta’ appartamenti, u/jew uffiċċji f’post wieħed hu piż qawwi fuq is-sistema tad-drenaġġ, tal-provvista tal-elettriku u l-ilma. Hu ta’ nkwiet għal parkeġġ.
Meta nismagħhom jgħidu li s-sistema tiflaħ għal dan it-tip ta’ bini nqisu bħala kumpliment għall-gvernijiet Nazzjonalisti li mexxew pajjiżna. Kumpliment għax ħallew sistema moderna ta’ drenaġġ bi tliet impjanti li jsaffu d-drenaġġ kollu li jiġi ġġenerat; sistema ta’ elettriku b’impjant ġdid fjamant tal-BWSC u interconnector mal-kontinent; sistema ta’ ilma fejn in-nuqqas minn taħt l-art kien supplimentat b’ilma mill-impjanti tar-reverse osmosis, u b’sistema mill-iktar avvanzata ta’ telekomunikazzjoni fejn nistgħu naqbdu lokalment u internazzjonalment fl-inqas żmien possibbli.
Ċertifikat mill-aqwa lill-PN
Dak hu ċ-ċerifikat li jingħata kontinwament lill-PN fil-gvern meta jgħidu li l-infrastruttura hi sodisfaċenti anke għal dawn il-blokki ta’ bini għoli li qed jinbnew; jew li se jinbnew.
Li ma naqbilx hu li nxerrdu dan il-bini għoli mal-erbat irjieħ ta’ Malta. Dan żgur ikollu impatt negattiv fuq l-iskyline ta’ pajjiżna. L-impatt negattiv jinfirex anke għall-ambjent ta’ nies li jgħixu fl-inħawi fejn ikunu ser jitilgħu high rise buildings bħal dawn.
Jien naqbel li jkun hemm bini għoli iżda li dan ikun konċentrat f’naħa waħda ta’ pajjiżna. Hekk ikun hemm inqas impatt, u l-infrastruttura anke jekk jinsab li ma tkunx adegwata għal dan kollu, tkun trid tiġi modernizzata f’lokalità waħda. Allura b’ħafna inqas spejjeż. Lokalità ta’ bini għoli anqas ikollha impatt negattiv fuq min ikun residenti f’dan il-bini għaliex kull min ikun jgħix hemm ikun jaf għal xiex daħal u jikklimatizza ma’ dan l-istil ta’ ħajja aħjar.
Bħalissa hemm iktar minn 20 applikazzjoni għal bini għoli. Jekk jinxterdu ma’ Malta kollha dawn se jkollhom impatt negattiv anke fuq l-iskyline ta’ pajjiżna. Jekk ikunu konċentrati f’post wieħed l-impatt ikun kompletament differenti.
Hemm imbagħad ‘bini’ ieħor għoli. Dan mhux il-bini residenzjali, jew blokki ta’ uffiċċji. Hu t-tanker/terminal tal-gass li se jordom il-bajja ta’ Marsaxlokk. Tanker li jinfirex fuq area ta’ tliet grounds tal-futbol. Li se jkun mgħobbi b’tankijiet tal-gass li jridu jimtlew minn żmien għall-ieħor minn tankers oħrajn iżgħar.
Mhumiex jgħidu l-verità
Ma joqogħdux jitnellħu bil-poplu u jgħidulu li din hi miżura temporanja sakemm jitqiegħed pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija. Jafu li mhumiex jgħidu l-verità. Dan it-tanker irridu nitqannew bih għal mill-inqas 18-il sena. Daqshekk hu l-kuntratt għalih. Ħadd ma kien ser jonfoq dawk l-għexiren ta’ miljuni ta’ ewro biex jaqleb dan it-tanker għall-ħtiġiet ta’ pajjiżna jekk ma kellux garanzija ta’ tul ta’ żmien. U dejjem ta’ qlugħ adegwat ta’ flus. Dejjem jekk m’hemmx xi klawsola fil-ftehim li ma nafux biha li f’każ li ma jkunx hemm bżonnu jitħallas xorta daqslikieku kien qed jintuża.
Li naf żgur hu li meta l-gvern Nazzjonalista qabbad lill-ikbar kumpanija taż-żejt Taljana biex tagħmillu studju dwar kemm jiswa pipeline tal-gass bħal dan, u kemm hu vijabbli, instab li biex ikun vijabbli għal min iqiegħdu u joperah ried ikollu garanzija ta’ ammont ta’ gass li riedet tiġi impurtata anke jekk ma jkonniex bżonnha. Għall-gvern Nazzjonalista din ma kenitx xi waħda mill-għażliet quddiemu, għaliex flus il-poplu mhumiex qegħdin hemm biex jiġu sparpaljati.
Nemmen li d-dehra ta’ dan it-tanker f’nofs il-bajja ta’ Marsaxlokk se tkun feature li jkollna ngħixu miegħu. Għal min ma joqgħodx f’Birżebbuġa jew Marsaxlokk din mhix problema iżda għalina li ngħixu hemmhekk hi problema … u waħda kbira.
Suġġeriment mill-aqwa
Hemm ukoll il-problema tas-sigurtà, anke jekk li jista’ jkun hemm inċident jgħidu li hi xi ħaġa remota. Diment li jeżisti periklu, anke jekk remot, irridu nieħdu l-miżuri kollha biex nevitawhom. Pereżempju wara l-inċident li seħħ f’Marsaxlokk il-ġimgħa l-oħra meta splodiet kwantità kbira ta’ nar tal-festa, ħafna qed jistaqsu jekk il-ħruq tan-nar u t-tanker bil-gass humiex kompatibbli. Allura x’se jiġri? F’Birżebbuġa u Marsaxlokk ma jingħatawx permessi għan-nar?
X’impatt se jkollu dan il-mostru fuq l-aċċess fil-port ta’ Marsaxlokk? X’impatt se jkollu fuq il-Freeport li hu wieħed mill-ikbar ażjendi li jagħtu xogħol f’pajjiżna? Dan se jiġi affettwat? X’impatt se jkollu fuq s-settur tas-sajd? Fuq kollox, x’impatt se jkollu fuq is-settur turistiku li tant iħaddem nies f’Marsaxlokk?
Li kieku ried il-gvern seta’ sab soluzzjoni li ma tgħarraqx u tpoġġi fil-periklu l-bajja ta’ Marsaxlokk. Seta’ rabat dan il-mostru fuq Herd’s Bank. Hemm żgur ma jkunx waħdu daqskemm ikun hemm tankers sorġuti! U titqiegħed pipeline minn hemm għall-power station. M’hemmx dubbju li mhix xi soluzzjoni ta’ barra minn hawn. Setgħet u għadha tista’ tiġi realizzata mingħajr ma ssir ħsara irreparabbli lill-bajja ta’ Marsaxlokk.