Sport Waterpolo

San Ġiljan fil-finali b’rebħa faċli

San Ġiljan Salini Resort għaddew għal finali meta ftit sabu diffikultà biex għelbu lil Exiles Jetfreight 20-8. Logħba li fiha l-Ġiljaniżi kienu l-aħjar tim fl-ilma, iżda minkejja s-superjorità fl-ilma, ħadu r-riedni tal-partita wara li fetħu vantaġġ komdu.

Exiles minn naħa l-oħra kellhom jumejn biss mistrieħ wara li l-Erbgħa kisbu l-ewwel rebħa fil-kampjonat kontra Valletta. It-tim ta’ Dorian Pisani kellhom l-ewwel sessjoni u nofs pożittiva iżda l-partita naqset mir-ritmu minn dak il-ħin sat-tmiem b’San Ġiljan jikkontrollaw sat-tmiem.

Kienu Exiles li marru fil-vantaġġ b’gowl tal-captain Kayne Lanzon, iżda San Ġiljan irkupraw bi tliet gowls minn Matthew Zammit, Vapenski u Fava. Huma komplew jkabbru l-vantaġġ u tliet gowls lejn tmiem it-tieni sessjoni għamlu l-iskor 10-4.

Minn hemm il-Ġiljaniżi, li kienu mingħajr Peter Borg, lagħbu mingħajr pressjoni u b’mod kollettiv, biex komplew ikabbru d-distakk, bis-Serb Vapenski jispiċċa l-partita b’sitt gowls.