Il-Ministru Michael Farrugia mhux lest li jinvestiga dak li jista’ jkun każ ta’ allegat abbuż fir-residenza San Vincenz de Paul, hekk kif NETnews.com.mt qed jippubblika ritratt ta’ nota li twaħħlet man-notice board ta’ San Vincenz, u li fuqha hemm miktub hekk: “2 beds in Room 8 – reserved for CEO”.
NETnews.com.mt staqsa lill-Ministru Michael Farrugia, li taħtu taqa’ r-residenza San Vincenz de Paul, jekk hux se jkun qed jinvestiga din il-karta iżda l-Ministru rredikola l-każ u talabna biex noħdulu l-fingerprints, bil-Ministru jżid “forsi kienet l-Oppożizzjoni li waħħlitha”.
Meta insistejna biex il-Ministru jkun ċar u jgħidilna jekk hux se jkun qed jieħu passi fil-konfront tal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincez de Paul dwar din il-karta, il-Ministru qalilna: “mur fittex u ċċekkja int”.
Il-kliem “2 beds in Room 8 – reserved for CEO” jindikaw li l-Kap Eżekuttiv ta’ San Vincenz, Josianne Cutajar, irriservat sodod għal anzjani tal-għażla tagħha – f’dak li jista’ jkun każ ta’ diskriminazzjoni bejn l-anzjani f’din ir-residenza.
Fl-aħħar jiem qamu mistoqsijiet dwar it-tmexxija ta’ San Vincenz de Paul hekk kif tfaċċaw allegazzjonijiet serji, fost oħrajn dwar negliġenza fit-trattament tal-anzjani u dwar diskriminazzjoni bejn anzjani u ħaddiema tal-istess residenza. L-allegazzjonijiet saru minn Denis Tanti, eks-Uffiċjal ta’ San Vincenz.
Mistoqsi minn NETnews.com.mt dwar dawn l-allegazzjonijiet, il-Ministru Farrugia rreferiena għal stqarrija li nħarġet fl-aħħar jiem. Michael Farrugia rrifjuta li jgħid b’mod ċar jekk hux se jkun qed jissospendi lill-Kap Eżekuttiv tar-residenza San Vincenz sakemm isiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
//= $special ?>