Il-Mexxej rivoluzzjonarju ta’ Kuba, Fidel Castro, għalaq 90 sena, b’dan it-tragward jitqies bħala avveniment sinifikattiv għall-pajjiż komunista fil-Karibew, li għadda minn żmenijiet storiċi tul is-snin tat-tmexxija tiegħu.
Filwaqt li Fidel Castro jibqa’ jissemma fost l-akbar personalitajiet fl-istorja moderna, huwa minnu li mindu ħalla l-poter, daqs għaxar snin ilu, il-poplu ta’ Kuba ra l-bidliet kbar iseħħu f’pajjiżhom. Dan waqt li l-Istati Uniti – li Castro kien iqisha bħala għadu ewlieni — ma baqgħetx aktar l-avversarju uffiċjali ta’ Havana, bl-aħħar snin jaraw diversi forom ta’ avviċinament bejn il-pajjiżi.
Ma sarux avvenimenti uffiċjali fuq skala kbira biex jimmarkaw għeluq snin Fidel Castro li, min-naħa tiegħu, ma għamel l-ebda diskors fil-pubbliku.
Intant, f’Kuba kienu organizzati xorta numru ta’ attivitajiet fejn, f’Havana, saret l-isparatura tal-kanun tradizzjonali f’unur l-eks Mexxej veteran komunista. Fl-istess ħin, kienet introdotta ‘l-akbar sigarru tad-dinja’ fl-okkażjoni ta’ għeluq snin Fidel Castro, meta s-sigarru ilu snin sħaħ ‘sinonimu’ mal-Mexxej Kuban u anki sar ‘parti mill-personalità tiegħu’.
//= $special ?>