Lokali

Filmat: Il-Pulizija tinvestiga filmat ta’ Pulizija li jagħti daqqa ta’ ħarta lil żagħżugħ

Il-Korp tal-Pulizija qed jinvestiga filmat li ttella’ onalj u li juri uffiċjal tal-Pulizija li l-ewwel waddab il-ħwejjeġ ta’ żagħżugħ, aktarx barrani, fil-baħar, u wara tah daqqa ta’ ħarta.

Fil-filmat juri liż-żagħżugħ jitqalleb fil-baħar mingħajr ma kien liebes ħwejjeġ fil-Bajja ta’ San Ġorġ, u jidher li kien f’sakra ma jarax art tant li beda jsibha diffiċli biex iqum bil-wieqfa.

Fil-post waslu żewġ uffiċjali tal-Pulizija, li ssejħu fil-post biex jintervjenu, u wieħed minnhom deher iwaddab boxer shorts fil-baħar qrib iż-żagħżugħ. Dan tal-aħħar libsu u deher jitkaxkar lejn ir-ramel.

F’dan il-mument wieħed mill-uffiċjali deher jitlef il-paċenzja, aktarx wara li ż-żagħżugħ għadda xi rimarki, sakemm finalment jilagħblu daqqa ta’ ħarta qabel mar ikompli jġiblu l-ħwejjeġ.