Lokali Qorti

Ġermaniża liberata minn akkużi ta’ miżappropjazzjoni u frodi

Martina Fricke, ta nazzjonalita’ Ġermaniża, kienet liberata mill-Qorti tal-Maġistrati wara li ma nstabitx ħatja ta’ miżappropjazzjoni u frodi ieħor fix-xogħol tagħha bħala aġenta tal-prodotti Ikea f’Malta.

Il-każ imur lura għall-2009 meta Fricke kienet akkużata mill-employer tagħha b’miżappropjazzjoni ta’ iktar minn €2,329, li allega li żammet il-flus għaliha wara li ħadet ordnijiet ta’ klijenti Maltin għall-prodotti Ikea maħduma fil-Ġermanja.

Kawża ta’ dan, Martina Fricke kienet tilfet l-impjieg tagħha.

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Antonio Micallef Trigona warrbet għal kollox it-tieni akkuża dwar frodi b’għemil qarrieqi, ġaladarba Fricke kienet impjegat tal-kumpanija u kienet awtorizzata tagħmel transazzjoni għan-nom tagħha.

Rigward l-akkuża ta’ miżappropjazzjoni, il-Maġistrat kompla li m’hemm xejn, lanqas remotament, li jissuġġerixxi li l-akkużata ikkonvertiet flus għall-benefiċċju tagħha u jew ta’ ħaddieħor.

Dak li ħareġ mill-mistoqsijiet tal-uffiċjal prosekutur u ix-xhieda tal-prinċipal huma allegazzjonijiet li ma baqgħux sostanzjati jew ippruvati mix-xhieda tal-prosekuzzjoni.
Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ evidenza ċara u inekwivokabbli ta’ miżappropjazzjoni minn Fricke għad-dannu tal-kumpanija, l-akkuża ta’ miżappropjazzjoni ma treġix u konsegwentement, il-Qorti lliberat lill-Ġermaniża minn kull akkuża.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ivan Cilia filwaqt li l-Avukat Michael Tanti Dougall deher għall-akkużata.