Lokali

Id-difiża ta’ Helena Dalli taċ-Chief of Staff tagħha Ronnie Pellegrini qed tagħmilha “laughing stock”

Kull darba li l-Ministru Helena Dalli tibqa’ tiddefendi liċ-Chief of Staff tagħha Ronnie Pellegrini, iktar qed taqa’ fir-redikolu. Dan kien il-kumment editorjali tal-ġurnal The Malta Independent hekk kif il-Ministru Helena Dalli irrifjutat li tiddissassoċja ruħha mal-kummenti ta’ Ronnie Pellegrini.

Fl-aħħar jiem, saru akkużi ta’ diskriminazzjoni mill-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz De Paul mal-ħaddiema fejn tidħol l-amministrazzjoni tad-dixxiplina, b’ħaddiema Laburisti prattikament jagħmlu li jridu mingħajr ma jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom. Fuq Facebook, Ronnie Pellegrini kkumenta “Hekk għandu jkun”.

L-Editorjal ta’ The Malta Independent qal li kulħadd barra l-Ministru Helena Dalli fehem eżatt x’ried jgħid Pellegrini; li huwa sewwa li ħaddiema Laburisti jingħataw trattament preferenzjali.

Iżda l-Ministru Helena Dalli interpretat il-kumment ta’ Pellegrini fejn qalet li qed jirreferi għall-investigazzjoni li qed jagħmel il-Ministru Michael Farrugia.

Wara kollox, kompla l-editorjal, Helena Dalli ma tistax tagħmel mod ieħor għaliex il-Ministru responsabbli mill-ugwaljanza ma tistax tappoġġja dikjarazzjonijiet li jaqblu mad-diskriminazzjoni.

L-editorjal itemm li fl-aħħar mill-aħħar, lanqas hemm bżonn id-dikjarazzjonijiet ta’ Pellegrini biex jixħtu dawl fuq kif qed jimxu l-affarijiet f’Malta għaliex dawn dehru mill-bidu nett ta’ din l-amministrazzjoni fl-Armata u fil-Pulizija u baqgħu jinfirxu f’kull rokna tal-amministrazzjoni pubblika.

Il-Ministru Helena Dalli mhux l-uniku membru tal-Kabinett ta’ Muscat li qed tagħlaq għajnejha għal dak li qed jiġri f’San Vinċenz de Paul. Il-Ministru tal-Familja u Solidarjeta’ Soċjali Michael Farrugia iddefenda l-aġir tal-Kap Eżekuttiv ta’ San Vinċenz Josianne Cutajar.

Meta kien ikkonfrontat minn dan l-istazzjon, il-Ministru saħansitra beda jgħajjar lill-ġurnalista injorant.