Filwaqt li f’dawn l-aħħar ġimgħat konna xxukkjati b’atti terroristiċi li ħasdu bl-addoċċ il-ħajja ta’ ħafna nies, l-Isqfijiet Maltin fakkru fi kliem il-Papa Franġisku li d-dritt tal-ħajja hu mhedded ukoll b’mezzi inqas drammatiċi iżda daqstant ieħor terribbli.
Fl-Ittra Pastorali fl-okkażjoni tal-festa solenni ta’ Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema, l-Arċisqof ta’ Malta Mons Charles Scicluna u l-Isqof ta’ Għawdex Mons Mario Grech, fakkru l-kliem ta’ l-Papa Franġisku dwar l-ewwel terroriżmu.
Din hija l-kultura li tarmi n-nies, tpoġġi l-flus qabel il-bniedem, toqtol it-trabi mhux imwielda, tittraskura l-anzjani, twarrab lill-persuni b’diżabilita’, tkun inġusta mal-foqra u tisfrutta l-ambjent biex jistagħnew il-ftit u jinsterqu l-ħafna.
L-Isqfijiet tennew li għandna nipproteġu l-ħajja dejjem, kullimkien u f’kull stadju tagħha u li naħdmu biex il-kwalita’ tal-ħajja ntejbuha f’kull aspett.
Il-ħajja tal-bniedem għandha tiġi protetta mill-liġi mit-tnissil tagħha sal-mewt.
Dwar il-kontroversja tal-Morning After Pill, l-Isqfijiet qalu li l-effett ta’ xi pilloli f’xi ċirkostanzi jista’ jkun abortiv. Persuna bi twemmin nisrani għandha d-dmir li tfittex l-informazzjoni sħiħa dwar l-effetti kollha ta’ dawn il-prodotti mediċinali sabiex tagħmel deċiżjoni responsabbli favur il-ħajja. F’każ ta’ dubju ta’ kif jaħdmu dawn il-prodotti, l-għażla għandha tkun dejjem favur il-ħajja, sostnew l-Isqfijiet. Huma saħqu wkoll li l-kuxjenza ta’ dawk il-professjonisti li jaħdmu fis-settur tas-saħħa u li għandhom oġġezzjoni li jippreskrivu jew ibiegħu dawn il-prodotti, għandha tiġi rispettata.
L-Ittra Pastorali tirreferi wkoll għall-ewtanasja. L-Isqfijiet qalu li kull persuna għandha d-dritt li tingħata l-kura u s-soċjeta’ għandha l-obbligu morali li tipprovdi s-servizzi mediċi biex tħares dan id-dritt tal-ħajja.
L-Isqfijiet sostnew li filwaqt li jifhmu u jħossu t-tbatija psikoloġika u fiżika tal-pazjenti u l-qraba, il-valur tal-ħajja umana ma jiddependix min kemm persuna hija b’saħħitha jew sodisfatta bil-ħajja tagħha u għaldaqstant, l-ewtanasja qatt ma tista’ tkun fl-aħjar interess tal-pazjent jew pazjenta.
L-Ittra pastorali ttemm li għandna nżidu l-kura u mhux noffri l-mewt. Aktar ma tikber it-tbatija, is-soċjeta’ għandha żżid il-miżuri ta’ wens u sedqa biex ħadd ma jiġi mwarrab jew jitqies bħala piż fuq l-oħrajn.
Hu propju b’dan il-ħsieb, li l-Knisja f’Malta, bil-kollaborazzjoni tal-Malta Hospice Movement, se tibda l-ħidma biex tinfetaħ Dar il-Ħniena, bħala residenza ġdida biex toffri servizzi speċjalizzati u ta’ livell għoli biex tnaqqas it-tbatija lil persuni b’mard terminali.
//= $special ?>