“L-abort hu llegali f’Malta, u l-protezzjoni tal-ħajja, għallinqas sa llum, testendi ghall-ħajja kollha mill-fertilizzazzjoni sal-mewt naturali. Għalhekk hi meħtieġa deċizjoni ċara mill-leġislaturi u mill-awtoritajiet ċivili tagħna dwar jekk il-MAP hijiex abortiva jew le. Hija ferm inkwetanti u ta’ tħassib, din is-sitwazzjoni , u dan speċjalment in vista ta’ proposti riċenti li jmorru kontra l-valur tal-ħajja”.
Hekk saħqet l-għaqda Life Network Foundation Malta fi stqarrija għall-istampa fir-rigward tad-dibattitu dwar l-MAP jekk kif inhi aħjar magħrufa l-Morning After Pill. L-għaqda saħqet li l-istudju li kienu ppreżentati quddiem kumitat parlamentari bħala evidenza li l-MAP mhijiex abortiva għandhom validita’ dubjuża minn studji oħra xjentifiċi li ġew ippreżentati minn kelliema oħra li ndirizzaw lill-istess Kumitat Parlamentari.
Life Network Foundation Malta qalet li hi b’konsultazzjoni ma’ l-American Association of Pro Life Obstetricians and Gynaecologists, ippreżentat studji li juru li l-MAP verament tikkawża effetti wara l-fertilizzazjoni u konsegwentement fiha effetti abortivi.
Għalhekk meta wieħed iqis li f’Malta t-tarbija fil-ġuf hi protetta sa mill-fertilizzazzjoni, il-fondazzjoni appellat lill-membri Parlamentari sabiex jagħrfu jerfgħu r-responsabbilta’ kollettiva tagħhom, billi jixtarru u jesprimu ruħhom individwalment fuq il-MAP.
L-għaqda enfasizzat li dan id-dibattitu m’huwiex biss sempliċiment dwar il-kontraċezzjoni,iżda wkoll fuq l-abort ta’ ħajja li diġa’ bdiet. Il-legalizzazzjoni tal-Morning After Pill ikun ifisser l-ewwel pass sabiex jiddaħħal l-abort f’pajjizna temmet tgħid Life Network Foundation.
//= $special ?>