Lokali

Il-pubbliku għandu jkun informat dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru

Il-Fatt li l-Prim Ministru jiddeskrivi l-iskandlu tal-Panama Papers bħala diżappunt hu understatement tal-konsegwenzi li dan l-iskandlu għandu mhux biss fuq il-Gvern, iżda wkoll fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u ċentru rispettat għas-servizzi finanzjarji.

L-aħħar avveniment ikomplu jżidu l-urġenza għall-Gvern li jżomm il-pubbliku nfurmat dwar l-investigazzjonijiet li qed isiru fil-konfront tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri

Isostni dan, il-ġurnal Times of Malta fl-editorjal tiegħu wara li fl-aħħar jiem tħabbret ir-riżenja ta’ Manfred Galdes, id-direttur tal-Financial Intelligence Analysis Unit. Riżenja li qed tqanqal mistoqsijiet.

Hu mifhum li l-FIAU kienet qed tinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri u li din l-aġenzija għaddiet rapport lill-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar, li rriżenja mill-kariga ftit tal-jiem wara li wasal ir-rapport.

L-editorjal jirreferi għall-aħħar reazzjonijiet internazzjonali, fosthom minn politico.eu, Transparency International u Deputati fil-Parlament Ewropew dwar kemm Malta se tkun effettiva fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus waqt il-Presidenza tagħha fl-UE u r-reazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi li qal li dawn il-kummenti qed jiġu minfuħa.

Times of Malta jkompli li bħala akkademiku u ekonomista, il-Ministru Edward Scicluna jaf ben tajjeb kemm hi fraġli l-fiduċja u r-reputazzjoni ta’ ċentru serju għas-servizzi finanzjarji.

L-Editorjal jagħlaq li l-Gvern għandu jinforma lill-pubbliku dwar kwalunkwe investigazzjoni. Hu b’dan il-mod biss li l-Gvern jista’ jikkonvinċi li hemm rieda politika biex tkun miġġielda l-korruzzjoni fl-ogħla livelli tal-Gvern.

Li l-politiċi ma jwettqux aġir kriminali mhux biżżejjed iżda għandhom jaġixxu fl-aħjar interess ta’ pajjiżhom qabel dak tal-partit u tal-kollegi tagħhom, itemm l-editorjal.