Internazzjonali

Ir-Renju Unit jimpenja l-fondi ‘għal wara Brexit’

Il-Kanċillier tal-Finanzi Britanniku Philip Hammond qal li ladarba jidħol fis-seħħ il-proġett tal-Brexit, it-Teżor tar-Renju Unit se jibda jieħu ħsieb il-fondi għall-bdiewa, ix-xjenzati u proġetti oħrajn li fl-aħħar snin gawdew mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Permess ta’ dan il-pass, li jista’ jiswa lir-Renju Unit madwar 4.5 biljun Sterlina fis-sena, it-Teżor se jiggarantixxi li jappoġġja l-proġetti ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea li kienu ffirmati qabel l-Autumn Statement ta’ din is-sena li, fost oħrajn, jirrevedi n-nefqa tal-Gvern Britanniku.

Filwaqt li r-Renju Unit — fejn il-poplu, fit-23 ta’ Ġunju, ivvota f’referendum biex ma jiffurmax aktar parti mill-Unjoni Ewropea — se jibqa’ jibbenefika mill-finanzjament tal-UE għall-agrikoltura sal-2020, il-Gvernijiet tal-Iskozja, Wales u l-Irlanda ta’ Fuq qegħdin jaqblu li garanzija bħal din ‘mhix biżżejjed’ fiċ-ċirkustanzi.