Internazzjonali

Ir-Russja u l-Ukrajna mħeġġa jrażżnu t-tensjoni fil-Krimea

Ir-Rappreżentanta Għolja għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, Federica Mogherini, sejħet biex ir-Russja u l-Ukrajna jevitaw eskalazzjoni ġdida tal-konflitt fil-Krimea. Dan skont stqarrija li ntbagħtet fuq il-websajt tal-UE.

Permezz tal-istqarrija, Mogherini wissiet biex ir-Russja u l-Ukrajna jevitaw kull azzjoni li tista’ żżid il-kriżi fil-Krimea. Dan waqt li hi ħeġġet għal riżoluzzjoni paċifika tal-konflitt ‘bħala l-unika soluzzjoni possibbli’.

Il-messaġġ tal-UE hu anki indirizzat lill-Ukrajna tal-Lvant, ‘fejn il-partijiet interessati kollha huma mħeġġa jikkooperaw fl-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta’ Minsk (għall-Ukrajna), li kienu ffirmati xhur ilu fil-Belarus’.

Mogherini mill-ġdid sostniet il-pożizzjoni tal-UE fir-rigward tal-Krimea fejn qalet li l-Unjoni Ewropea ‘tikkundanna u ma tirrikonoxxix l-aġir illegali tar-Russja li, fl-2014, għaqdet il-Krimea u Sevastopol mat-territorji tagħha’. Dan meta l-UE se tkompli tappoġġja bis-sħiħ l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Ukrajna, filwaqt li tissorvela bis-sħiħ is-sitwazzjoni.

It-tensjoni bejn ir-Russja u l-Ukrajna żdiedet sew, fl-aħħar ġranet, wara li s-servizzi sigrieti federali tar-Russja rnexxielhom ixejnu kumplott terroristiku fil-Krimea. Ir-Russja qed takkuża lis-servizzi sigrieti militari tal-Ukrajna bħala ‘l-ixprun wara l-attakk li kien qed ikun ippjanat’, bil-Gvern fi Kiev jiċħad għal dan b’mod kategoriku.