Lokali

Jiġi arrestat Messikan b’rabta ma’ serq minn ristoranti f’San Ġiljan

Messikan ġie arrestat wara li l-Ħamis filgħaxija seraq numru ta’ oġġetti minn ristoranti differenti f’San Ġiljan.

Jirriżulta li l-Messikan daħal f’ristorant u poġġa bilqiegħda maġenb mejda oħra li kienet okkupata. Iżda ftit tal-ħin wara qam u telaq mill-post bi skuża.

Kien hawn li l-persuni li kienu bilqiegħda maġenbu skoprew li l-mobile u wallet li kien hemm f’handbag ta’ tfajla mdendel mad-dar tas-siġġu kienu sparixxew u mmedjatament marru personalment jagħmlu rapport fl-għassa ta’ San Ġiljan.

Kien hawn li żewġ uffiċjali, PC345 Mark Cremona u PC 1461 Alfred Bray, immedjatament marru fir-ristorant mnejn seħħet is-serq u akkwistaw il-filmati mill-kameras tas-sigurta’.

F’temp ta’ 20 minuta l-uffiċjali kienu individwaw lill-akkużat u dan ġie arrestat. Instab li l-istess persuna kien diġa seraq minn ristorant ieħor, u saħansitra żgassa vettura.

L-oġġetti misruqa ġew irkuprati u mgħoddija lura lis-sidien tagħhom, fil-waqt li mistennija tittieħed azzjoni fil-konfront tal-Messikan.

L-azzjoni f’waqtha ta’ dawn l-uffiċjali wasslet ukoll għal kummenti pożittivi favur il-Korp tal-Pulizija, b’sidt ir-ristorant minn fejn insterqu l-oġġetti tirringrazzja lill-uffiċjali ta’ San Ġiljan għall-ħidma tajba u mmedjata li għamlu.